Lokali

“Art pubblika m’għandhiex tingħata bix-xejn għal spekulazzjoni” – Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jinsisti biex il-poplu jgawdi mill-aqwa użu u mill-aqwa valur għall-art pubblika li l-Gvern irid ibigħ lill-Grupp Corinthia. Dan hekk kif wara pressjoni kbira li saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kontra dan il-ftehim, il-membri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ġew infurmati li l-laqgħa li kellha ssir ilbieraħ dwar dan it-trasferiment ta’ art lill-Grupp Corinthia issa se ssir nhar it-Tnejn 4 ta’ Frar li ġej.

L-Oppożizzjoni kienet ikkonfermat mal-Viċi Prim Ministru Chris Fearne, li jmexxi l-Kumitat biex il-laqgħa issir ilbieraħ, iżda wara l-pressjoni li qed issir mill-Oppożizzjoni din il-laqgħa ġiet posposta. L-Oppożizzjoni iżda diġà ddikjarat li kienet se tivvota kontra l-proposta tal-Gvern f’dan il-Kumitat, li tfisser li riedet issir bilfors diskussjoni f’laqgħa plenarja tal-Parlament. Dan biex il-poplu jkun infurmat b’dan il-ftehim tal-Ministru Konrad Mizzi.

Waqt il-jiem tal-Milied u f’ġurnata waħda biss, il-Gvern ried li l-Parlament japprova bl-akbar għaġla l-bejgħ ta’ art pubblika f’żona strateġika f’Malta lill-Grupp Corinthia. Il-Gvern ried jagħmel dan bl-akbar arroganza u mingħajr il-ħruġ ta’ tender, u ried jgħaddi art li kienet b’ċens għal skop ta’ turiżmu għal skopijiet ta’ spekulazzjoni u bini. Kien il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li kien insista li jkun pospost il-vot fil-Parlament u kien ukoll laqqa’ lill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista sabiex issir preżentazjoni u dan il-ftehim jiġi diskuss.

Filwaqt li hawn min m’għandux saqaf fuq rasu, min qed jistinka biex jixtri dar u ma jistax, min qed jissellef għal dar u l-bank ma jsellfux u min irid jikri fejn jgħix u ma jistax bil-kirjiet għoljin, il-Gvern iddeċieda li jagħti art pubblika bi prezz baxx lill-privat biex isir spekulazzjoni u gwadann mill-bini. Il-Gvern qed jippersisti li jgħin il-ftit magħżula biex jistgħanaw minn fuq dahar in-nies.

Il-Ministru Konrad Mizzi, li huwa responsabbli minn dan il-ftehim, ried li art li tiswa €800 miljun tingħata għal €51 miljun biss. Konrad Mizzi għal darb’oħra reġa’ nnegozja ħażin u mhux qed iġib valur tajjeb għal din l-art li hija tal-poplu Malti. Dan b’detriment ukoll għall-iżviluppaturi li jissellfu u jieħdu riskji kbar biex jinvestu f’pajjiżna.

Għall-Partit Nazzjonalista mhux aċċettabbli li art pubblika għal skopijiet turistiċi tinbiegħ għal skopijiet ta’ bini mingħajr ma jingħata l-valur tagħha lill-poplu Malti u Għawdxi. Għalhekk l-Oppożizzjoni se taċċerta li din l-art tal-poplu ma tingħatax bix-xejn lil ftit magħżula.