Sport Sport Ieħor

BOXING: Pacquiao fiduċjuż qabel il-ġlieda ma’ Broner

Manny Pacquiao, iċ-champion tad-dinja tal-boxing fil-kategorija welterweight, hu determinat li ‘juri lil kulħadd li ż-żmien ma jħollx u jorbot f’dan l-isport’ meta qed iħejji biex, nhar is-Sibt, jiddefendi t-titlu tal-WBA kontra l-Amerikan, Adrien Broner, li, fil-passat kien champion tad-dinja f’erba’ kategoriji.

Il-ġlieda mistennija se ssir fl-MGM Grand Arena ta’ Las Vegas, fl-Istati Uniti, u se tkun is-70 waħda professjonali għal Pacquiao, li ddebutta fix-xena professjonali 24 sena ilu.

Il-ġlieda hi anki speċjali għal dan il-boxer Filippin għaliex hi l-ewwel waħda tiegħu mindu għalaq l-40 sena.

Pacquiao – li llum hu senatur fil-Filippini –qal li filwaqt li qed jistenna sfida qawwija minn Broner, hu sinifikanti għalih il-fatt li qed jiffaċċja dan l-impenn fl-età ta’ 40 sena ‘meta għandu d-dmir li juri lil kulħadd li l-età tinvolvi biss numru u li l-aktar affarijiet importanti huma s-sens ta’ dedikazzjoni u l-preparazzjoni fuq livell hekk intensiv’.

Adrien Broner, li għandu 29 sena u li hu mlaqqam ‘The Problem’ hu wieħed mill-aktar personalitajiet kontroversjali fil-Boxing u f’Diċembru li għadda kien spiċċa arrestat dwar reati konnessi mas-sewqan.

Sadanittant, l-Amerikan esprima għadab għall-fatt li ħafna nies, inklużi persuni influwenti fl-isport, qegħdin jinsistu għal rematch bejn Paquiao u l-eks champion tad-dinja Floyd Mayweather li rtira mingħajr ma qatt tilef ġlieda professjonali.

Broner qal li ‘qed iħossu disrispettat’ u li ‘mhux jingħata l-attenzjoni li jixraqlu’ . Hu enfasizza li ma żgiċċa qatt minn sfida, ‘fejn, fost oħrajn, ta kontribuzzjoni importanti lil dan l-isport filwaqt li kkonfronta lil diversi champions tad-dinja.’