Futbol Sport

Dembele jitlaq lil Tottenham u jingħaqad mal-klabb Ċiniż Guangzhou R&F

Il-klabb tal-Premier League Ingliż, Tottenham Hotspur, biegħu lill-midfielder Mousa Dembele lill-klabb tas-Super League Ċiniż, Guangzhou R&F għas-somma ta’ 11-il miljun Sterlina. Il-kuntratt ta’ Dembele, li għandu 31 sena, ma Spurs jispiċċa dan is-sajf, iżda hu għandu jingħaqad ma’ Guangzhou mal-konferma tal-clearance internazzjonali.

Dembele kien mar iċ-Ċina, oriġinarjament, biex jingħaqad mal-klabb ta’ Beijing Guoan iżda wara xi kumplikazzjonijiet konnessi mal-ftehim kienu Guangzhou li daħlu għal dan il-plejer Belġjan, li lagħab diversi drabi għal pajjiżu.

Mousa Dembele kien issieħeb ma’ Tottenham mingħand Fulham fl-2015 għas-somma ta’ 15-il miljun Sterlina u lagħab 250 darba għal dan il-klabb minn Londra. Madankollu, id-dehriet tiegħu bil-flokk ta’ Spurs f’dan l-istaġun kienu limitati biss għal tlettax.

Skont ir-rapporti, Dembele x’aktarx li ddeċieda li jitlaq lil Tottenham minħabba l-prospett ta’ ‘salarju fenomenali’ mingħand wieħed mill-klabbs Ċiniżi u l-fatt li hu se jkun qed jilgħab ‘f’kampjonat li jinvolvi anqas impenn fiżiku’.