Lokali Saħħa

ESKLUSSIVA (2): Sodod f’kuritur bla privatezza; skiet assolut mill-awtoritajiet tas-saħħa

Hemm aktar kurituri li fihom qed jitpoġġew pazjenti morda bla privatezza ta' xejn

“Is-sitwazzjoni li tkellem dwarha Net News hi biss farka mill-kriżi enormi li hemm f’Mater Dei.”

Hekk qalulna persuni li għandhom qraba fl-isptar kif ukoll tobba u infermiera li ta’ kull jum qed ikollhom jiffaċjaw sitwazzjoni diffiċli b’diversi pazjenti fil-kurituri.

Kien Net News illi lbieraħ żvela filmati esklussivi tal-Major Incident Unit (MIU) illi mhu xejn ħlief ward f’kuritur – sala illi fiha il-pazjenti m’għandhom privatezza ta’ xejn, u qed jitpoġġew wieħed ħdejn l-ieħor bla ebda purtieri u lanqas imwejjed.

Is-sorsi tagħna qalulna li fil-kuritur fejn hemm l-MIU hemm biss toilet wieħed, u l-pazjenti qed ikollhom jużaw x’imkien li hemm viċin ta’ din li qed tissejjaħ “sala”. Dan bi skumdita’ kbira għalihom.

Kif żvelajna, dan il-ward biswit il-parkeġġ lanqas għandu sistema ta’ ventilazzjoni tant illi kellu jitpoġġa apparat biex tiġi ċirkolata l-arja.

Dwar dan kollu sa issa kien hemm skiet assolut mill-Ministeru tas-Saħħa u anke mit-tmexxija ta’ Mater Dei.

Net News illum jinsab f’pożizzjoni li jiżvela ukoll illi żewġ kurituri oħra imtlew bil-pazjenti. Dawn jinsabu fl-Endoscopy u l-Paediatric.