“L-iskop tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament Globali (EGF) għandu jkun aktar miftuħ biex jassisti kemm jista’ jkun ħaddiema li jispiċċaw bla xogħol jew dawk li jkunu qed jiċċaqalqu minn xogħol għall-ieħor. Kull deċiżjoni fir-ristrutturar tal-EGF għandha tittieħed bil-ħsieb tal-bżonnijiet tal-ħaddiema.”
Waqt li kien qed jindirizza sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista David Casa nnota li l-EGF ġie utilizzat b’mod effettiv f’Malta kif ukoll fi Stati Membri oħra, fejn ħaddiema li jkunu bla xogħol jkunu provduti bi profiling xieraq, gwida dwar il-postijiet tax-xogħol, taħriġ, start-ups kif ukoll rijallokazzjoni.
“Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament Globali hu għodda essenzjali li jgħin lill-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea. L-iskop tiegħu hu li jassisti ċirkustanzi li ħadd ma jkun qed jistennihom fuq livell Ewropew, ppjanat biex joffri serħan il-moħħ lill-ħaddiema li jispiċċaw bla xogħol minħabba l-globalizzazzjoni u l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja.”
Il-Fondi hu għalhekk essenzjali biex jgħin liċ-ċittadini ta’ Malta u l-istati membri Ewropew oħra biex jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol wara li jispiċċaw bla xogħol jew biddlu l-karrieri.
David Casa spjega li l-EGF għandu dejjem ikun f’pożizzjoni li jirreaġixxi għal skop aktar wiesgħa ta’ ristrutturar sinifikanti, filwaqt li qal li l-limitu ta’ ħaddiema eliġibbli li jikkwalifikaw għall-fondi tal-EGF għandu jkun rivedut minn kumpaniji ta’ 500 impjegat għal kumpaniji li jimpjegaw 250 persuna. “Jien nemmen li dan hu importanti biex jirrifletti d-diversità u d-daqs tal-kumpaniji fl-UE, speċjalment f’xi Stati Membri, bħal tiegħi, u biex il-Fond jintlaħaq b’mod aktar wiesgħa u effettiv,” qal David Casa.
Il-Fond il-ġdid għandu jaħseb għar-realtajiet tal-lum kif ukoll għall-bżonnijiet tal-futur, billi jkun skrutinizzat f’kull pass biex jassigura li jkun effettiv. “Irridu nassiguraw li l-effetti pożittivi tal-EGF jaslu għand il-ħaddiema u jinħassu fis-soċjetà dejjem tinbidel tal-lum,” temm jgħid David Casa.
//= $special ?>