Matul il-ġurnata tal-Erbgħa, il-Ministru Edward Scicluna pprova jevita u jxejjen it-tħassib serju dwar il-ftehim mal-Vitals Global Healthcare (VGH). Fi stqarrija, il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi, Mario De Marco, saħaq li minflok prova jiddefendi l-poplu – bħala ma huwa dmir sagrosant li jagħmel, il-Ministru reġà ddeċiedi li jipproteġi lil sħabu fil-Kabinett – partikolarment lill-Ministru Konrad Mizzi.
Dan hekk kif, kompla De Marco, Konrad Mizzi bejgħ tlieta mill-isptarijiet tagħna għal xejn inqas minn ewro (€1) lil kumpanija li ma kellha l-ebda esperjenza fis-settur tas-saħħa. Wara li fallew milli jonoraw l-obbligazzjonijiet tagħhom, Vitals biegħu kollox lil kumpanija oħra bil-konsegwenza li għamlu miljuni tal-ewro fi profitti – jitħanżru minn fuq dahar il-poplu.
Għaldaqstant, Mario De Marco sostna li tal-inqas il-Ministru Edward Scicluna kellu jieħu ċertu passi sabiex jissospendi l-bejgħ ta’ dawn l-isptarijiet. Madanakollu, bħal ma’ ġara fil-każ ta’ Pilatus Bank – il-Ministru baqgħa jilgħabha tar-‘rajt ma rajtx u smajt ma smajtx’.
Mario De Marco temm jgħid li proprju għal din ir-raġuni, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ressaq dan il-każ il-Qorti bil-għan li jiprova jirkupra l-isptarijiet sabiex jiġi salvagwardat l-interess tal-poplu Malti.
//= $special ?>