Ladarba għadu ma nstabx qbil bejn il-Gvern u s-sidien tal-pompi tal-petrol, il-GRTU se tkun qed tlaqqa’ l-membri tagħha u ma teskludix li ssejjaħ xi azzjonijiet, ladarba l-membri huma mdejqin bis-sitwazzjoni.
Dan iddikjaratu Abigail Mamo, il-Kap Eżekuttiv tal-GRTU, f’intervent telefoniku waqt il-programm NET AM, il-Breakfast Show ta’ NET Television. Hi tat l-aħħar aġġornamenti dwar din is-sitwazzjoni wara l-laqgħa li kellhom mal-Gvern l-Erbgħa.
Mamo spjegat li s-sidien tal-pompi tal-petrol huma negozji daqskemm ċittadini u, minkejja li ilna nisimgħu bl-aqwa żmien, hu ċar li għal ċertu setturi, l-affarijiet huma diffiċli. Dan fid-dawl tal-fatt li s-sidien tal-pompi tal-petrol ingħataw l-aħħar żieda fl-2011, fi żmien Gvern Nazzjonalista, filwaqt li mal-Gvern Laburista, id-diskussjonijiet ilhom għaddejjin mill-2014.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GRTU qalet li wara dawn is-snin, wasal iż-żmien li s-sidien tal-pompi tal-petrol jagħmlu r-rinovazzjoni meħtieġa u għalhekk, ma fadalx żmien biex nibqgħu nkaxkru saqajna. Tenniet li dak li għandu jsir, għandu jsir issa għax dawn is-sidien ma jistgħux jibqgħu jistennew.
Abigail Mamo spjegat li t-talbiet tal-GRTU qed isiru wara studju serju li sar minn Awditur imqabbad għal tal-apposta. B’hekk, ikun ċar li t-talbiet qed isiru serjament. Hu għalhekk li l-GRTU qed tippretendi li dawn it-talbiet jittieħdu bis-serjetà.
//= $special ?>
