Lokali Turiżmu

L-Ajruport Malti bi pjanijiet biex jespandi t-terminal

Ritratt: Martin Agius
Se tiġi introdotta rotta ġdida lejn il-kapitali tal-Qatar, Doha

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar diversi żviluppi ġodda għall-2019, b’titjiriet ġodda lejn il-kapitali Ġordaniża, l-Amman, u titjira kuljum lejn Doha, il-kapitali tal-Qatar, permezz tal-linja nazzjonali tal-pajjiż.

Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija li tmexxi l-istess ajruport, Alan Borg, f’konferenza tal-aħbarijiet qal li l-investimenti sinifikanti fil-proġetti maħsuba għal din is-sena se jikkontribwixxu għall-iżviluppi infrastrutturali tal-kampus tal-ajruport, bħall-espansjoni tal-binja tat-terminal, l-iżvilupp ta’ Apron 10 biex jiżdiedu l-ispazji disponibbli għall-ajruplani b’madwar 11-il post u b’hekk tissolvu l-problema preżenti ta’ kapaċità tal-ajurplani.

L-Ajruport qed iħares biex itemm il-proġett ta’ parkeġġ ta’ diversi sulari, investiment ta’ €20 miljun sa tmiem is-sena ddieħla, b’introduzzjoni ta’ 1,300 parkeġġ mgħotti fl-istess kampus.

Fi stadju bikri jinsabu l-pjanijiet tal-ajurport li tiżviluppa SkyParks 2, b’investiment ta’ €40 miljun, li fil-preżent għadu fl-istadju tas-sejħa għall-preżentazzjoni ta’ kunċetti tad-disinn tal-binja l-ġdida. Dan il-proġett se jkun mifrux fuq ftit anqas minn 50 tomna ta’ art. Fis-sentejn li ġejjin, l-Ajruport qed jippjana li jdaħħal 2 trakkijiet tat-tifi tan-nar biex issaħħaħ ir-riżorsi ta’ sigurtà fl-istess ajurport.

B’kollox, l-ajruport offra 100 destinazzjoni madwar l-Ewropa u lil hinn fis-sajf li għadda. Il-linja tal-ajru low cost, introdotta f’pajjiżna minn Gvern Nazzjonalista, Ryanair, se tkun qed tintroduċi s-6 ajruplan ibbażat fl-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta.

It-tbassir tal-movimenti tal-passiġġiera għas-sena l-ġdida mistennija jilħqu s-7.2 miljun passiġġier.