Ewropa Lokali Parlament Unjoni Ewropea

L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għat-tnaqqis fil-qgħad – Ryan Callus

Huwa d-dmir tal-leġiżlaturi miġbura fiċ-ċentru tal-Mediterran li jipprovdu futur għaż-żgħażagħ li jiżviluppaw fiċ-ċittadini t’għada.

Kliem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, Sport u l-Ġlieda kontra l-Obeżità, Ryan Callus, meta indirizza l-ftuħ tas-sessjoni taż-żgħażagħ tad-djalogu 5+5, li jiġbor lill-Parlamenti tal-Istati Membri tal-Punent tal-Mediterran.

Huwa qal li r-Rebbiegħa Għarbija ħolqot żewġ kriżijiet fin-nofsinhar tal-Mediterran, dik taż-żieda fil-qgħad li kkawżat iż-żieda fl-immigrazzjoni llegali lejn l-Ewropa. Bosta huma ż-żgħażagħ li jazzardaw jaqsmu sabiex isibu futur aħjar fl-Ewropa.

Huwa wera t-tħassib għal ċerti stati mhux imsieħba fl-Unjoni Ewropea iżda fl-Unjoni tal-Mediterran li kellhom ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ tlett darbiet akbar minn tal-adulti.

Għalhekk, Ryan Callus saħaq fuq l-importanza li wieħed ikompli kemm jista’ jkun bl-istudji tiegħu sabiex iżid il-probabbiltajiet li jiġi impjegat.

Qabel ma temm l-intervent tiegħu, Ryan Callus appella lill-pajjiżi tal-5+5 biex jindirizza il-problema tal-estremiżmu u r-radiklazzazzjoni taż-żgħażagħ billi joħolqu mezzi ta’ djalogi miftuħa fost diversi komunitajiet reliġjużi sabiex jifhmu l-isfidi rispettivi mingħajr formazzjoni reliġjuża estremista. Huwa ppropona sistemi edukattivi li bihom jintebħu minn kmieni b’sinjali fost iż-żgħażagħ ta’ radikalizzazzjoni. B’hekk nevitaw li jkollna vittmi żgħażagħ radikalizzati tal-ħażen fis-soċjetajiet tagħna, temm jgħid Ryan Callus.