Formula 1 Sport

L-eks-sewwieq tal-Formula 1, Niki Lauda, joħroġ mill-isptar

L-eks-sewwieq tal-Ferrari, Niki Lauda – għal tliet darbiet champion tad-dinja tal-Formula 1 – ħareġ mill-isptar wara perjodu ta’ trattament għall-influwenza.

L-Awstrijak ta’ 69, li għamel trapjant tal-pulmun f’Awwissu, kien marad waqt btala f’Ibiza matul il-festi tal-Milied u kellu jittieħed lura pajjiżu għall-kura.

Niki Lauda rebaħ il-kampjonat tad-dinja tal-Formula 1 fl-1976, l-1977 u l-1984 mal-Ferrari u McLaren. Fl-1976, hu kien involut f’inċident terribbli waqt il-Grand Prix tal-Ġermanja f’Nurburgring, fejn sofra ħruq serju f’wiċċu, idejh u partijiet oħra ta’ ġismu. Madankollu, hu kien irnexxielu jirritorna fl-azzjoni madwar xahar u nofs biss wara.

Wara li temm il-karriera bħala sewwieq, Lauda sar imprenditur fis-settur tal-ajru u, fl-2012, inħatar chairman (mhux eżekuttiv) ta’ Mercedes fejn kien involut fl-ingaġġ mat-tim tas-sewwieq Ingliż Lewis Hamilton, iċ-champion tad-Dinja attwali.