Lokali

Leli l-Pejsa se jingħata l-Aħħar Tislima s-Sibt li ġej

Issellimlu wkoll persuna li kien salvalha ħajjitha meta kienet għadha żgħira

Emanuel Grech, magħruf fost min jafu bħala Leli l-Pejsa, se jingħata l-Aħħar Tislima s-Sibt li ġej, fid-8.45am fil-Knisja Parrokjali ta’ San Ġiljan.

Kienu wliedu Matthew u Davide li ħabbru dan fuq Facebook, jumejn wara l-inċident traġiku li ħasad il-ħajja ta’ Leli waqt li kien qed jaħdem magħhom f’kumpless kummerċjali fil-Ħamrun.

Fil-ħin tal-inċident, ir-raġel kien qed iġorr xi affarijiet li wieħed minn uliedu meta pass ħażin wassal biex Leli waqa’ minn xaft, minn għoli ta’ madwar żewġ sulari. Hu tilef ħajtu fil-post.

Huma bosta dawk li fl-aħħar jiem użaw il-media soċjali biex isellmu lil Leli, ta’ 65 sena, missier ta’ żewġ subien u nannu ta’ tifel. Fosthom ta’ persuna li sellmitlu filwaqt li rringrazzjatu li meta kienet għadha żgħira, salvalha ħajjitha.

Dwar dan, Matthew esprima d-dieqa tiegħu li ma seta’ jagħmel xejn meta seħħ l-inċident traġiku ta’ jumejn ilu, ħlief li jgħannqu miegħu u jbusu. Talab lil missieru biex jgħinu jgħaddi minn din il-ħolma kerha.