– Maria Deguara, PN
Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara qalet fil-parlament li d-dibattitu dwar l-Att li jimplimenta d-Direttiva tal- arlament Ewropew u tal-Kunsill biex id-definizjoni ta’ droga tiġi estiża biex tinkludi sustanzi psikoattivi ġodda fuq is-suq u li tħassar id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-2005 għandu żewġ għanjiet; l-ewwel biex bħala pajjiż kif ukoll bħala professjoni medika Maltija jġibna konformi mal-liġijiet ġewwa pajjiżi Ewropej oħra u li waqt li nkomplu nipprovdu l-aħjar u l-aktar mediċini ġodda għal kura lil pazjienti morda tagħna, niżġuraw li neliminaw sa fejn nistgħu l-abbuż mill-użu ħażin primarjament ta’ sustanzi psikotropiċi.
Maria Deguara sostniet li l-mediċina tul dawn l-aħħar ħamsin sena għamlet skoperti kbar fejn tidħol il-kura tal-mard. Ġew skoperti mezzi ta’ kif nistgħu nipprevenu l-mard permezz ta’ tilqim li wassal biex jiġu evitati mijiet ta’ eluf ta’ mwiet speċjalment fejn jidħlu tfal żgħar.
Sa ftit żmien wara t-tieni gwerra r-rata ta’ mwiet fit-tfal taħt il-ħames snin kienet tkexkxek.
L-edukazzjoni wasslet biex sirna aktar konxi dwar dawk il-fatturi sew ġenetiċi, ambjentali u oħrajn dovuti għal abbuż fl-istil tal-ħajja li ngħixu, li jwassluna biex nimirdu. Sirna ukoll bħala poplu aktar konxji dwar ir-responsabiltà li kull wieħed u waħda minna għandu jerfa’ favur il-protezzjoni ta’ saħtu. Dan l-għarfien fost oħrajn wassalna biex stajna inniedu kampanji aggressivi ta’ tgħarif dwar kif għandna nieħdu ħsieb aħjar ta’ saħħitna.
Barra dan ma ninsewx l-iskoperti ta’ modalitajiet ġodda ta’ investigazzjoni li ssarfu biex il-professjoni medika saret aktar kapaċi tiddentifika l-mard minn kmieni u allura tikkurah aħjar. Saru skoperti dwar kif jittieħed jew jiġi trasmess ċertu mard u kif nistgħu nipprevenuħ qabel ma jibda’.
Bil-mod il-mod tibegħdna minn sistema ta’ mediċina kurattiva favur waħda preventiva. Dan kollu ma jfissierx li rbaħna i-ġlieda kontra il-mard li jaħkimna. Qridna minn pajjiżna mard bħad-deni rqieq, qridna il-polio, qridna il-ġidri, naqqasna l-inċidenza tat-tuberkulosi, tetnu u d-difterite fost oħrajn.
L-istil tal-ħajja li ngħixu ġiegħlna nitbgħedu minn ikel ġenwin u naturali għal wieħed artifiċjali u ipproċessat. Għażilna teknoloġija li wasslitna għal ħajja aktar sedentarja li ġabet splużjoni fl-inċidenza tad-diabete fid-dinja żviluppata kollha. Lokalment sirna fost l-aktar popolazjoni b’piż eċċessiv. Qed jiżdied mard ġdid fostna bħall-AIDS kaġun ta’ stil ta’ ħajja fejn kulħadd donnu lest jieħu dejjem aktar risku basta iħossu padrun tiegħu nnifsu u ta’ għemilu.
Maria Deguara sostniet li dan kollu insejħulu progress, l-istess progress li wassal biex jibdel l-istil tal-ħajja li ngħixu u li qegħed jikkaġuna tip ta’ mard ġdid minħabba l-ħajja magħġġla u l-istress li iġġib magħha.
Tant imbdilna sforz tal-hekk imsejjaħ proġress li fil-kamp mediku l-akbar thedidha fil-futur mhux ġejja mid-diabete. Lanqas ma hi ġejja mil-mard kardiovaskolari bħal pressjoni jew xaħam fid-demm. L-akbar tehdida għal saħħitna hija prevista li ser tiġi miż-żieda qawwija fl-inċidenza tal-mard mentali u dipressjoni primarjament kawżata mil-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu.
Biex nittrattaw dan il-mard ħafna drabi jinħtieġ li nużaw mediċini li fihom issib komponenti li għandhom effett sedattiv, narkotiku u psikotropiku. Meta jintużaw tajjeb u b’mod sew, jikkontrollaw mard bħad-depressjoni u mard mentali ieħor.
Meta jintużaw ħażin u b’mod abbużiv, jwasslu biex persuna tħossa ferħana u tinsa’ d-dwejjaq u l-problemi li tkun għaddejja minnhom. Fi ftit kliem dawn is-sustanzi jbeduk mir-realtà tal-ħajja billi jnessuk għal ftit tal-ħin l-għawġ li jkollok.
Wara li jgħaddi l-effetti ta’ tali abbuż, il-problemi mhux biss jibqgħu hemm imma jiżdiedu u min jabbuza jispiċċa f’ċirku vizzjuz bil-problemi kollha li tali ċirkostanzi jġibu magħhom.
Il-problema reali hi, li ħafna minn dawn il-mediċini jekk jiġu abbużati jistgħu jwasslu għal dipendenza patoloġika. Bl-avvanz tal-mediċina u farmakoligia dawn il-prodotti illum jistgħu jinħadmu sintetikament. Dan qed iwassal biex insibuhom fis-suq aktar faċilment. Bħal prodott oriġinali għandhom l-istess effet narkotiku u psikotropiku. Ħafna minn dawn il-prodotti jiffurmaw l-parti l-kbira tal- konsum ta’ drogi illeċiti.
Maria Deguara sistniet li huwa hawn fejn jidħol il-bżonn ta’ dan l-Att li għandna quddiemna illum biex waqt li niżġuraw li l-pazjenti tagħna ikollom l-aħjar bħala kura nippruvaw ngħamlu minn kollox biex naraw li mediċini psikotropiċi jaslu biss għand min għandu verament bżonnhom u li jaslulu b’mod ikkontrollat.
Dan jagħmel sens aktar u aktar għaliex tgħallimna mill-iżbalji li għamilna żmien ilu u li llum qegħdin insofru l-konsegwenzi ta’ dawk id-deċizjonijiet. Mingħajr ma indunajna fil-waqt, fallejna milli nikontrollaw l-akar żewg drogi addittivi u li illum saru jikkawżaw ħsara enormi. Qed nirreferi għas-sigaretti u għax-xorob alkoħoliku u kien biss wara ħafna żmien li ppruvajna nikkontrollawhom billi għaddejna leġiżlazzjoni li ma tippermettix l-użu tagħhom taħt ċertu età u f’numru ta’ postijiet pubbliċi. Dawn iż-żewġ sustanzi llum legali wasslu biex ħajru liż-zagħżagħ jesperimentaw b’sustanzi oħra li użati bl-addoċċ iwasslu għal ħsara kemm soċjali, fiżika kif ukoll mentali fuq min jużgħhom u fuq il-familji tagħhom.
Illum għandna theddida ġdida fejn jidħlu l-akkwist ta’ mediċini jew aħjar sustanzi li jistgħu jwasslu għal ħsara akbar. Dan ukoll riżultat ta’ l-hekk imsejjaħ proġress. Qed nirreferi għal drawha ġdida fejn persuna tista’ tixtri mediċini minn fuq l-internet fil-privatezza ta’ darha u timpurtha ġewwa pajjiżna.
Fil-verità hemm diġà ċertu kontroll biex, mediċina jew kwalunkwe sustanza li tintuża għal użu mediku, tidħol bil-posta. Il-problema li qed niffaċċjaw hi li l-liġijiet jikkontrollaw l-importazzjoni ta’ mediċini skond il-kompożizjoni u l-ingredjenti li jkollhom u jekk dawn humiex inklużi fuq il-lista ta’ mediċini li jistgħu jiġu impurtati.
Illum ir-rata ta’ prodotti ġodda fuq is-suq kibret ħafna. Min sal-lum ried idur mal-liġi seta’ jbiegħ prodotti b’ingredjenti sintetiċi li minkejja li għandhom l-istess effetti psikotropiċi għandhom formola ta’ kimika differenti u b’hekk seta jiskappa l-kontroll. Ħawn fejn tagħmel sens din l-emenda tal-att quddiemna. Qed tagħmilha aktar diffiċli li jiġu impurtati tali prodotti illegalment li jispiċċaw fuq is-suq u f’idejn dawk l-aktar suxxettibbli. Dan kollu se jwassal biex ikollna aktar kontroll fuq l-importazzjoni ta’ prodotti mediċinali.
Illum ġew żviluppati ingredjienti ġodda li isimhom ma jidhierx fuq il-lista eżistenti pero’ li għandhom l-istess effett psikotropiku u jwasslu għal addiction daqs, jekk mhux akbar, mil-prodotti oriġinali u speċifikati fil-listi eżistenti.
Is-sustanzi psikoattivi tant żdiedu f’taħlitiet varjati li apparti is-sustanzi puri illum dejjem qegħed jitfasslu prodotti sintetiċi li jikkawżaw l-istess effett tal-prodott oriġinali jekk mhux aktar. Peress li dawn il-prodotti jiġu maħduma artifiċjalment il-prezz ikun fil-biċċa l-kbira ferm inqas mis-sustanza pura.
Meta prodott jitbaxxa fil-prezz ikun aktar faċli takkwistah. Għalkemm il-kumpaniji farmaċewtiċi jipproduċu mediċina ġdida biex ittejjeb is-saħħa ta’ min għandu bżonnha, il-mutur li jinċentiva lil dawn il-kumpaniji biex jagħmlu ir-riċerka huwa primarjament dak li jagħmlu il-qliegħ u qliegħ sostanzjali.
Fattur ieħor importanti tal-produzzjoni hu l-fatt li numru ta’ sustanzi hekk imsejħa drogi sintetiċi illum faċilment jistgħu jinħadmu minn kull min għandu edukazzjoni u taħriġ fil-farmaċewtika. Peress li l-ispejjeż għall-produzzjoni ta’ sustanzi psikotropiċi huwa wieħed żgħir meta imqabbel mal-profitt, tikber it-tentazzjoni li jiproduċu dawn il-prodotti bi kwantitajiet kbar u għal skopijiet żbaljati.
Maria Deguara qalet li dawn huma r-raġunijiet primarji għaliex illum għandna numru ta’ individwi li saru jiddependu mid-droga. In-numru ta’ sejbiet mil-forzi tal-ordni jixhdu kemm din il-pjaga kibret f’pajjiżna. Ma nistgħux nittamaw li neqirduha għal kollox għaliex hemm numru ta’ fatturi li ma għandniex kontroll fuqhom.
Sal-lum l-użu ta’ dawn is-sustanzi għal skopijiet ta’ divertiment, ħlief f’ammonti żgħar u għal użu personali huwa illegali. Huwa xogħol l-awtoritajiet responsabli għaż-żamma tal-ordni li jagħmlu l-almu tagħhom biex ixejnu kemm l-importazzjoni u kemm l-użu illegali tagħhom. Irrid għal darba oħra nirringrazzja li dawk kollha involuti għas-suċċessi kbar li kellhom is-sena l-oħra f’dak li għandu x’jaqsam mal-konfiskar ta’ ammonti kbar ta’ droga importata illegalment ġo pajjiżna. Prosit tassew għax b’dawn is-sejbiet l-awtoritajiet qed jissalvagwarjaw lil uliedna mill-użu tad-droga li hi waħdha mill-ikbar pjagi ta’ żmienna mhux biss ġewwa xtutna iżda wkoll mad-dinja kollha. Min-naħa l-oħra l-kwantitajiet maqbuda anke fil-forma ta’ pilloli tirrifletti kemm hi mifruxa u kbira l-problema quddiemna.
Saru diskussjonijiet twal f’dan il-parlament sew fuq il-benefiċċi kif ukoll dwar l-effetti koroh ta’ sustanzi psikotropiċi meta dawn jiġu abbużati. Irridu nammettu li l-effetti tajba li jingħad li għandhom medikament mhux kollha ġew ippruvati xjentifikament.
Maria Deguara sostniet li jekk vera hemm faxxa ta’ nies li jħossu li sustanza psikoattiva tista’ tgħinhom inaqqsu t-tbattija tagħhom, dejjem bil-parier mediku, għandhom ikollhom aċċess għaliha b’mod kontrollat u bi prezz ġust u raġonevoli biex kulħadd jista jibbenefika minnha. Kien għalhekk li kull meta tkelliemt fuq l-użu mediċinali ikkontrollat ta’ dawn is-sustanzi dejjem qbilt u approvajthom taħt ċertu kundizzjoni. Li ma qbilniex bħala partit kienet il-kultivazzjoni legali tal-kannabis ġewwa pajjiżna meta konna mwiegħda li kellna nimpurtaw il-prodott lest.
Il-preskrizzjoni ta’ mediċini b’effett psikotropiku min-naħa tal-professjoni medika hi kontrollata sew.
Ġewwa pajjiżna mhux kull tabib ikkwalifikat u reġistrat jista’ jippreskrivi kull mediċina jew sustanza li għandha effetti psikotropiċi. Jeżistu mediċini bħal ngħidu aħna morfina li tabib jinħtieġ jinħariġlu permess speċjali mid-diviżjoni tas-saħħa biex ikun jista’ jippreskriviha. Dan biex dejjem ikun hemm kontroll aħjar u titnaqqas il-possibiltà ta’ abbuz. Is-sistema preżenti hija waħda li fl-istess ħin toffri serħan tal-moħ kontra xi abbuż mill-professjoni medika.
Meta tabib jidhirlu li għall-ewwel darba pazjent ikun jeħtieġ jieħu sustanza psikotropika bħala parti mill-kura, jista’ jippreskrivi ammont jew kwantità żgħira ta’ ftit ġranet sakemm japplikalu biex il-pazjient ikun jista’ jixtri din il-mediċina aktar fit-tul. Tali permessi jingħataw fuq bażi individwali.
Barra dan, il-liġi titlob li anke meta it-tabib jippreskrivi dawn il-mediċini b’urġenza u f’ammonti zgħar għal ġimgħa, jinħtieg li javża lid-dipartiment fi żmien erba’ u għoxrin siegħa li jkun ħareġ tali riċetta. Mhux biss, imma din ir-riċetta tinħareg fuq riċetta ħadra li meta l-pazjient imur fl-ispiżerija biex jixtriha, l-ispiżjar iżommha, jirreġistra l-karta tal-identità tal-pazjent, jikteb l-ammont mixtri fuq reġistru apposta li regolarment jiġi spezzjonat mid-dipartiment. Wara ftit jiem il-pazjient jirċievi l-permess hekk imsejjaħ control card validu għal massimu ta’ sena.
Meta l-pazjient jirċievi l-permess meħtieġ ikollu jerġa’ jmur għand it-tabib biex ikompli joħroġlu l-ammont li għandu bżonn sa massimu ta’ xahar. Din il-proċedura tirrepeti ruħha xahar wara xahar, dejjem sakemm it-tabib jidirlu li l-pazjent għad għandu bżonnha. Kull xahar it-tabib irid joħroġ riċetta ħadra u jiffirma fuq il-kontroll card tal-pazjient id-data, id-doża u l-ammont preskritt. Il-pazjenti jistgħu jmorru jimlew dawn ir-riċetti ta’ kull xahar għand it-tobba tal-Gvern. Però t-tobba tal-Gvern billi ma jkunux jafu jekk il-pazjient verament għandux bżonn dawn il-mediċini jew le, jitolbu li jkollhom informazzjoni bil-miktub mingħand it-tabib tal-familja tal-pazjent qabel ma jkun jistgħu jirrepetu dawn ir-riċetti.
Minkejja dan il-kontroll strett xorta waħda dejjem se ssib persuni li jippruvaw jabbużaw mis-sistema. Dan billi jduru numru ta’ tobba jitolbuhom riċetta urġenti.
Il-monitoraġġ tas-sistema li teżisti jippermetti lill-awtoritajiet jiddentifikaw mil-ewwel dawn il-persuni u jinfurmaw lit-tobba kollha ta’ Malta u Għawdex b’mod kunfidenzjali bl-isem u dettalji oħra tal-persuni li jkun qegħed jabbuża.
L-esperjienza għallmitna li dawn il-persuni ma jagħmlhux hekk għax ikollhom bżonn il-mediċina għalijhom infushom. Fil-maġġor parti jkun iridu jiksbu dawn is-sustanzi biex ibiegħuhom fuq il-black market.
Dawn it-tip ta’ mediċinali psikoattivi żdiedu fis-suq għal numru ta’ raġunijiet. L-għan wara din il-leġiżlazzjoni hu wieħed tajjeb għaliex waqt li nipprovdu u niffaċilitaw l-użu ta’ mediċinali ġodda għal min għandu verament bżonnhom, neliminaw sa fejn nistgħu l-abbuż tagħhom.
Naqblu dwar il-ħtieġa li jsiru emendi biex niffaċilitaw iż-żieda ta’ mediċini psikoattivi ġodda mal-lista ta’ mediċini preżenti li jistgħu jiġu preskritti leġalment lil dawk il-pazjenti li jinħtiġuhom.
//= $special ?>