Futbol Sport

Trasferimenti tal-futbol — Higuain se jingħaqad ma’ Chelsea b’self

Rapporti fl-istampa Britannika qalu li l-klabb tal-Premier League Chelsea waslu fi ftehim biex jieħdu lil Gonzalo Higuain b’self mingħand Juventus. Skont ma jindika l-ftehim, l-attakkant Arġentin – li fl-aħħar xhur kien misluf lil AC Milan – se jkun impenjat mal-klabb min Londra sal-aħħar tal-istaġun.

Higuain kien ingħaqad ma’ Juventus fl-2016 u ngħata b’self lil Milan fil-bidu ta’ dan l-istaġun fejn lagħab 22 logħba u sab ix-xibka tmien darbiet għar-rossoneri.

Intant, il-manager ta’ Chelsea, Maurizio Sarri, hu ħerqan li jsaħħaħ l-attakk tal-Blues wara li l-attakkant Spanjol, Alvaro Morata ( eks Juventus u Real Madrid) iddiżappunta bis-sħiħ kemm ilu mal-klabb, u meta l-playmaker ta’ Chelsea, Eden Hazard, kellu jaqdi rwol aktar avvanzat għat-tim fl-aħħar logħbiet.

Sarri u Higuain kienu kollaboraw flimkien b’suċċess fi żmienhom ma’ Napoli u kien dak iż-żmien li l-attakkant ( bejn l-2015-16) skorja 36 gowl biex laħaq ir-rekord tal-aktar gowls skurjati fi staġun wieħed fis-Serie A Taljan.

Ir-rapporti qalu li l-ftehim għas-self ta’ Higuain ma’ Chelsea jista’ anki jkun estiż bi tnax-il xahar, iżda dan hu suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

Il-wasla imminenti ta’ Higuain f’Londra kapaċi twassal għat-tluq ta’ Morata minn ma’ Chelsea. Skont ir-rapporti, Morata jinsab f’negozjati ma’ Atletico Madrid u qed jidher qrib ta’ ritorn fil-La Liga ta’ Spanja.