Ewropa Lokali Saħħa Unjoni Ewropea

Zammit Dimech jinsisti fuq aktar riżorsi u fondi għal studenti dyslexic

L-MEP Francis Zammit Dimech jiltaqa' mat-tim tas-Servizz Speċifiku tad-Diffikultajiet fit-Tagħlim (SpLD)

“Għandna bżonn nagħmlu aktar fondi disponibbli biex niżguraw li studenti dyslexic ikollhom riżorsi adegwati biex javvanzaw fl-edukazzjoni tagħhom u biex ninċentivaw aktar għalliema u LSEs biex isegwu karriera biex jassistu studenti dyslexic. Iċ-Charter Ewropew tad-Dyslexia, li flimkien ma’ MEPs oħra qed immexxi ‘l quddiem fil-Parlament Ewropew, ukoll jenfażizza dan. L-MEP Francis Zammit Dimech għamel dawn ir-rimarki wara li ltaqa’ mat-tim tas-Servizz Speċifiku tad-Diffikultajiet fit-Tagħlim (SpLD), li jaħdem biex jipprovdi appoġġ xieraq lil individwi b’dyslexia fl-istadji differenti tal-edukazzjoni tagħhom.

Zammit Dimech bħalissa qed jaħdem fuq Charter Ewropew tad-Dyslexia biex iqajjem aktar kuxjenza dwar l-isfidi li jiffaċċjaw l-individwi bid-dyslexia. Iċ-Charter jittratta aspetti varji inkluż l-impjiegi, is-saħħa u l-edukazzjoni. Matul l-aħħar ġimgħat, Zammit Dimech organizza diversi laqgħat inkluż mal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dyslexia u bosta ġenituri ta’ studenti bid-dyslexia. It-twaqqif taċ-Charter Ewropew tad-Dyslexia ġie milqugħ mit-tim tal-SpLD u ġie deskritt bħala pass pożittiv u inizjattiva utli.

Matul iż-żjara lis-Servizz SpLD, Dr. Christine Firman tat ħarsa ġenerali lejn ix-xogħol li bħalissa qed jitwettaq mit-tim SpLD u ddiskutiet it-tħassib tal-ġenituri. Dr. Firman spjegat kif is-Servizz SpLD qed jaħdem biex jiżviluppa aktar kuxjenza dwar id-dyslexia ma’ edukaturi, ġenituri, studenti u s-soċjetà inġenerali. Għalkemm għadd ta’ inizjattivi seħħew matul l-aħħar snin, għad fadal ħafna xi jsir sabiex jittejbu l-opportunitajiet għal individwi b’dyslexia. Saret enfasi fuq il-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament għat-taħriġ tal-edukaturi biex ikomplu jestendu l-ħiliet tagħhom biex jappoġġjaw lill-istudenti bid-dyslexia b’mod aktar effettiv.

L-MEP Francis Zammit Dimech jippreżenta ċ-Charter Ewropew tad-Dyslexia lit-tim tas-Servizz Speċifiku tad-Diffikultajiet fit-Tagħlim (SpLD)

Meta wieħed jikkunsidra li huwa stmat li 10% tal-popolazzjoni fl-iskejjel tesperjenza d-dyslexia, hemm bżonn ta’ aktar għalliema speċjalizzati biex jissodisfaw it-talbiet. Bħalissa, is-Servizz SpLD għandu total ta’ 19-il għalliem speċjalizzat biex jipprovdi l-appoġġ mitlub.

Ġie rikonoxxut ukoll li peress li l-bżonnijiet ta’ studenti bid-dyslexia jvarjaw, huma meħtieġa programmi konsiderevolment differenti. Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ aktar monitoraġġ biex jiġi żgurat li l-istudenti b’dyslexia ikunu qed jagħmlu l-progress mistenni. Barra minn hekk, l-istudenti jeħtieġu appoġġ matul is-sena skolastika sħiħa u mhux biss matul is-sessjonijiet tal-eżamijiet.

Zammit Dimech, li huwa membru tal-Kumitat għall-Edukazzjoni, fakkar kif bosta sfidi deskritti mit-tim SpLD kienu pertinenti ħafna u fil-fatt ġew enfasizzati fiċ-Charter. B’mod partikolari, iċ-Charter jiddiskuti l-ħtieġa li jkun provdut aktar taħriġ dwar id-dyslexia għall-għalliema. Iċ-Charter jirreferi wkoll għal interventi fil-klassi u kif l-assistenti tat-tagħlim jistgħu jkunu ta’ benefiċċju enormi għal studenti b’dyslexia. F’dan ir-rigward, iktar ma jkun stabbilit l-appoġġ malajr, aħjar. Zammit Dimech qal li l-appoġġ bikri għall-istudenti mhux biss se jkollu impatt pożittiv fit-tul fuq ħajjithom, imma se jevita wkoll il-falliment tal-iskola.

Zammit Dimech irringrazzja lit-tim kollu għad-dedikazzjoni tagħhom. Huwa wiegħed li jinkludi r-rispons tagħhom fiċ-Charter u qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jieħu aktar inizjattivi biex iqajjem l-isfidi deskritti mis-Servizz SpLD, għalliema u ġenituri. Huwa ħeġġeġ ukoll lill-partijiet interessati minn Malta u Għawdex biex jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar iċ-Charter Ewropea tad-Dyslexia, li hu se jkompli jmexxi ‘l quddiem fuq livell Ewropew.