Lokali

B’konvinzjoni nibqgħu nkunu l-vuċi tan-nies – Adrian Delia

"Hemm il-ħtieġa li ssir investigazzjoni fuq kif qed jintnefqu l-flus tal-Gvern, il-flus tal-poplu Malti u Għawdxi"

Il-Partit Nazzjonalista huwa miftuħ għal kulħadd, u jien determinat li l-bidla tkompli, għaliex nemmen li b’dan il-mod biss nistgħu nkunu eqreb lejn in-nies, f’soċjetà li jimpurtaha.

Sostna dan il-Kap tal-PN Adrian Delia f’Xarabank waqt intervista ma’ Peppi Azzopardi l-Ġimgħa filgħaxija fuq l-istazzjon Nazzjonali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel referenza għal ftehim li għamel Konrad Mizzi li bih il-kumpanija Technoline kienet ingħatat id-dritt esklussiv tal-procurement għat-tliet sptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Adrian Delia qal li l-bibien kollha tal-Partit Nazzjonalista huma miftuħa, u li hu se jibqa’ jaħdem biex il-Partit jibqa’ fost in-nies.

Huwa qal li kull darba li jaraw il-Partit Nazzjonalista u lilu jmorru tajjeb fil-polls, uħud mill-ġdid jippruvaw jitfgħu dell ikrah fuq ħidmietu.

Adrian Delia qal li l-appoġġ lejh qed ikompli jissaħħaħ. Huwa tenna li kważi 95% tal-kumitati fi ħdan il-Partit diga urew appoġġ fit-tmexxija tiegħu.

Il-Kap tal-Partit mill-ġdid insista li minkejja kull sfida jew problema personali, baqa’ jaqdi d-dmir tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Huwa qal li t-tmexxija tal-Partit qed taħdem biex tkun għas-servizz għall-pajjiż kollu, u b’konvinzjoni il-PN se jibqa’ jkun il-vuċi tan-nies.