Sport Sport Ieħor

Faċli għal Roger Federer u Rafael Nadal fit-tielet rawnd

(Ritratti: EPA)

Roger Federer għadda għar-raba’ rawnd tal-Open tal-Awstralja meta b’wirja mill-aqwa għeleb lill-Amerikan Taylor Fritz 6-2, 7-5, 6-2. B’hekk l-Iżvizzeru ta’ 37 sena kompla bit-tama tiegħu li jsir l-ewwel tennist li jirbaħ l-Open tal-Awstralja għas-seba’ darbiet. L-avversarju tiegħu se jkun Stefanos Tsitsipas.

Flimkien ma’ Federer, għadda l-favorit l-ieħor Rafael Nadal li fi ftit aktar minn sagħtejn elimina lill-Awstraljan Alex de Minaur. Nadal li għandu 32 sena, ikkonverta s-sitt match point biex rebaħ 6-1, 6-2, 6-4. Hu ddomina fis-service hekk kif rebaħ 82% tal-punti fuq is-service.

Roberto Bautista Agut għadda mal-aħħar 16 meta rebaħ lir-Russu Karen Khachanov 6-4, 7-5, 6-4. Fir-rawnd li jmiss, għadda wkoll Tomas Berdych li elimina lis-sid numru 16 Diego Schwartzman 5-7, 6-3, 7-5, 6-4. Marin Cilic tħabat iżda finalment ikkwalifika. Hu għeleb lil Fernando Verdasco 4-6, 3-6, 6-1, 7-6, 6-3.

Is-semifinalist ta’ sentejn ilu Grigor Dimitrov rebaħ 7-6, 6-4, 6-4 kontr Thomas Fabbiano. L-Amerikan Frances Tiafoe se jilgħab fir-raba’ rawnd ta’ Grand Slam għall-ewwel darba fil-karriera wara li għeleb lil Andreas Seppi 6-7, 6-3, 4-6, 6-4, 6-3.