Il-Pulizija ta’ Norfolk qed tinvestiga l-inċident li fih il-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh, kien involut f’ħabta kerha bil-karozza ma’ vettura oħra.
Id-Duka, li għandu 97 sena, kien qed isuq Land Rover li nqaleb b’kaġun tal-ħabta ma’ vettura tat-tip Kia u qiegħed jirkupra mix-xokk fir-residenza rjali ta’ Sandringham wara li għadda mit-testijiet kollha mediċi.
Il-karozza Kia kienet misjuqa minn mara li kellha magħha mara oħra (li kisret idejha bl-impatt tal-ħabta) u tarbija ta’ disa’ xhur li ma ġralha xejn.
In-nies li raw il-ħabta sseħħ quddiem għajnejhom qalu li l-Land Rover tad-Duka ‘żgiċċa għal distanza twila u mingħajr kontroll, fejn spiċċa maqlub fuq ġenb man-naħa l-oħra tat-triq’. Huma qalu li d-Duka deher viżibilment ixxukkjat meta ħareġ mill-karozza iżda kien kapaċi jqum fuq saqajh u jmur jara jekk in-nies fil-karozza l-oħra kellhomx bżonn l-għajnuna.
Il-Pulizija ta’ Norfolk qalu, wara, li, bħala proċedura, is-sewwieqa ta’ vetturi involuti f’dawn l-inċidenti jkunu suġġetti għal breathalyzer u li f’dan il-każ, ‘it-testijiet għall-persuni partikulari rriżultaw fin-negattiv’.
Intant, il-kelliema għall-pulizija qalu li l-inċident kien taħt investigazzjoni u li ‘tista’ tittieħed kwalunkwe azzjoni xierqa fiċ-ċirkustanzi’.
//= $special ?>

