Lokali

Is-sit Lovin Malta jirtira l-malafama kontra Adrian Delia

Hekk kif is-sit Lovin Malta rtira l-allegazzjoni infondata u malizzjuża kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li hu jdur b’karti tal-€500 meħudin mid-donazzjonijiet mogħtija lill-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia informa lill-avukat tiegħu Dr Vincent Galea li lest jirtira l-kawża ta’ libel li fetaħ lis-sit Lovin Malta minħabba l-allegazzjoni li huma ppubblikaw.

Fi stqarrija l-PN qal li f’artiklu fuq is-sit tagħhom, Lovin Malta qalu li m’għandhom l-ebda evidenza għal dak li rrappurtaw u skużaw ruħhom mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista għal kull

inkonvenjent li setgħu ħolqulu. Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon li Lovin Malta irtiraw l-allegazzjonijiet infondati u malizzjużi u jfakkar li dan kien każ ieħor fejn allegazzjoni hi biss allegazzjoni sakemm ma tinġiebx l-evidenza.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-appoġġ tiegħu għal midja ħielsa u favur il-libertà tal-espressjoni u jfakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li ta lill-pajjiżna l-pluraliżmu fix-xandir. Min-naħa l-oħra jesprimi dieqa meta xi individwi fil-midja jabbużaw jew jiġu użati minn terzi sabiex jagħmlu assassinju tal-karattru ta’ politiċi jew persuni oħra.