L-għaqda hi l-aqwa arma li l-Partit Nazzjonalista għandu fost il-kandidati tiegħu għall-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
Iddikjara dan is-Sindku l-ġdid tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, Christian Micallef waqt żjara li hu u l-Viċi Sindku tal-Belt Vince Fabri għamlu lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fid-Dar Ċentrali.
Il-Kap Adrian Delia nnota li Valletta 2018 seħħet għaliex Gvern Nazzjonalista ħadem bil-kbir fuq medda ta’ snin sabiex il-Belt Kapitali reġgħet ingħatat id-dinjità li jixirqilha.
Huwa rringrazzja l-ħidma tas-Sindku preċedenti Alexiei Dingli u l-irwol importanti li kellu biex irnexxiet l-applikazzjoni tal-Belt Valletta biex kienet il-Belt Kulturali Ewropea għall-2018.
Adrian Delia għamel kuraġġ kemm lil Christian Micallef kif ukoll lil Vince Fabri sabiex ma jaqtawx qalbhom quddiem l-arroganza li jistgħu jaffaċċjaw mill-awtoritajiet ċentrali. Huwa ħeġġiġhom ukoll sabiex ikomplu jaħdmu sabiex il-Belt Valletta kompli tieħu s-sura li jixirqilha, proċess li beda mal-15-il sena ilu.
Filwaqt li rringrazzja lil Alexiei Dingli, il-predeċessur tiegħu tal-ħidma għall-belt Valletta, Christian Micallef iddikjara li se jkompli l-ħidma b’impenn lejn ir-residenti Beltin.
Huwa qal li matul ix-xhur li ġejjin sal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali se jkun qed jaħdem fuq il-pjanijiet tal-eks Sindku Alexiei Dingli.
Semma’ fost oħrajn kif il-kandidati Nazzjonalisti għandhom il-vantaġġ li jistgħu jieqfu lill-Gvern u hekk se jagħmlu kemm-il darba jaraw li l-Gvern qed jieħu deċiżjonijiet li ma jirrispettawx lill-Beltin kollha.
//= $special ?>