Lokali

L-IMF jirrimarka li t-tkabbir ekonomiku qiegħed jitnaqqas

Fir-rapport tiegħu, l-International Monetary Fund enfasizza numru ta’ kunsiderazzjonijiet u sfidi li għandhom jiġu indirizzati. L-IMF rrimarka li filwaqt li t-tkabbir ekonomiku jibqa’ b’saħħtu, hemm sinjali li dan it-tkabbir qiegħed jtinaqqas. L-IMF ikkummenta dwar l-isfidi fuq l-affordabilità tad-djar ikkawżati minn prezzijiet tal-proprjetà li qed jiżdiedu malajr. Sostna dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi Mario de Marco.

L-IMF talab ukoll lill-gvern biex jieħu miżuri konkreti biex jissalvagwardja l-integrità finanzjarja ta’ Malta. L-IMF qed jitlob lill-gvern biex jimplimenta l-bidliet meħtieġa u jindirizza l-fallimenti istituzzjonali li qed itappan ir-reputazzjoni tal-pajjiż u biex jiżgura li l-istituzzjonijiet statali tagħna huma indipendenti mill-gvern tal-ġurnata.
 
Fir-rigward tal-finanzi tal-gvern, l-IMF ta parir lill-gvern biex ibiddel l-infiq tiegħu aktar lejn in-nefqa kapitali. Taħt il-Ministru Edward Scicluna, in-nefqa rikorrenti żdiedet b’rati bla preċedent. L-IMF jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jinkiseb bilanċ fiskali mingħajr ma jiddependi fuq l-iskema IIP.
 
L-isfidi identifikati f’dan ir-rapport huma r-riżultat tal-azzjonijiet jew in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Gvern. Il-politika tal-gvern biex imexxi ‘l quddiem it-tkabbir ekonomiku permezz tat-tkabbir tal-popolazzjoni kkawżat żieda fil-prezzijiet tad-djar, filwaqt li tneħħew dawk li jaqilgħu dħul aktar baxx u medju mis-suq tal-proprjetà. Il-politika tal-Gvern ta’ reklutaġġ pubbliku bl-addoċċ żiedet l-ispiża ta’ kuljum, u ħalliet inqas flus biex jinvesti fi proġetti kapitali tant meħtieġa.
 
L-istqarrija ttemm tgħid li finalment, dan kollu qed iwassal sabiex jitmermu l-istituzzjonijiet b’dannu serju għar-reputazzjoni tagħna fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.