Politiċi mal-Partit Demokratiku fl-Oppożizzjoni qalu li se jinvestigaw allegazzjonijiet li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, kien ta l-istruzzjonijiet lill-avukat personali tiegħu biex jigdeb lill-Kungress ta’ Washington.
Rapport tal-Buzzfeed News qed jallega li l-President ġiegħel lill-avukat Michael Cohen biex ‘iqarraq’ dwar il-pjani għall-bini ta’ Trump Tower f’Moska, il-kapitali tar-Russja. Intant, Cohen diġà ammetta li gideb dwar it-tmiem tal-proġett kummerċjali inkwistjoni.
Donald Trump għad ma weġibx direttament għall-allegazzjonijiet tar-rapport tal-Buzzfeed, iżda qabel kien hemm drabi fejn hu ċaħad li qatt wettaq pressjoni fuq l-eks avukat tiegħu bil-għan li jikser il-liġi.
Intant, Adam Schiff, iċ-chairman il-ġdid tal-kumitat għall-affarijiet sigrieti tal-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti, sostna li dan il-kumitat għandu jinvestiga l-allegazzjonijiet. Hu sostna li l-allegazzjoni li Trump seta’ ‘immanuvra fost il-ġuramenti foloz’ quddiem il-kumitat, bil-għan li jaħbi l-kuntatti kummerċjali mar-Russja hi l-aktar waħda serja sal-lum. Schiff qal ukoll li ‘se jsir minn kollox biex issir magħrufa l-verità’.
Michael Cohen, ix-xahar li għadda, kien ikkundannat il-ħabs wara li ammetta li gideb lill-Kungress dwar il-pjan. Cohen ammetta wkoll dwar abbuż ta’ regoli għall-finanzjament ta’ kampanji politiċi u evażjoni tat-taxxa u li ‘il-punt dgħajjef tiegħu jinvolvi sens ta’ lealtà għamja lejn Donald Trump’.
Ir-rapport tal-Buzzfeed jibbaża fuq ix-xhieda ta’ żewġ uffiċjali għall-infurzar tal-liġi (li ma ssemmewx) involuti fl-investigazzjoni ta’ din il-kwistjoni. Qed ikun allegat li Trump, bintu Ivanka u iben il-President, Donald Junior, kienu qed ikunu regolarment aġġornati dwar pjan għall-bini ta’ proprjetà taħt l-isem ‘Trump’ f’Moska, fi żmien meta huma ċaħdu li kellhom konnessjonijiet kummerċjali mar-Russja.
Il-Prosekutur Speċjali Amerikan, Robert Mueller, diġà żvela li Michael Cohen kien gideb dwar id-data ta’ meta kien konkluż il-Moscow Trump Tower. Cohen qal lill-Kungress li t-taħditiet dwar il-pjan kienu damu minn Settembru tal-2015 sa Jannar tal-2016, iżda kien hemm id-dokumenti li wrew li t-taħditiet, fil-fatt, kienu damu għaddejjin sa Ġunju.
Cohen kien qal li l-pjan kien twaqqaf qabel f’tentattiv ‘biex jimminimizzaw ir-rabtiet bejn il-Proġett ta’ Moska u persuna bl-isem ‘Individwu 1’ matul il-kampanja elettorali għall-Presidenza tal-Istati Uniti.
L-eks avukat tal-President kien identifika l-‘Individwu 1’ bħala Donald Trump u l-Buzzfeed qed jgħid li Cohen informa lill-investigaturi li ‘Trump, personalment, kien tah l-istruzzjonijiet biex jigdeb’ dwar id-data ta’ meta għalqu n-negozjati ‘bil-għan li joskura l-involviment tiegħu’.
//= $special ?>

