Lokali

Nar li beda minn vettura jinfirex għal drive-in fil-Qrendi

Ritratt mill-arkivji

Fortunatament ħadd ma weġġa’ meta nar li beda minn vettura nfirex għal tinda li tinsab biswit residenza fi Triq Misraħ is-Sinjura, li hi triq li tinsab qalb l-għelieqi fil-Qrendi.

Jirriżulta li n-nar beda minn vettura li kienet ipparkjata biswit ir-residenza u taħt tinda fi speċi ta’ drive-in. In-nar infirex għat-tinda iżda fortunatament ma laħaqx ħakem ir-residenza.

Il-każ seħħ ftit wara t-15:00 u fil-post intalbet l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili, li kkontrollaw in-nar, kif ukoll tim mediku.

Madankollu kelliema għall-Pulizija qalet lil dan l-istazzjon li ħadd ma ttieħed l-isptar u li aktarx il-persuni nvoluti ngħataw trattament fil-post għal xi duħħan li setgħu belgħu.