Lokali

“Prova ċara li l-Gvern jinsab maqsum” – Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista jaf li għandu quddiemu erba’ xhur ta’ ħidma iebsa, fosthom billi jdur bieb bieb u kull post tax-xogħol. “Għalhekk, irridu naraw li nipperswadu billi nisimgħu l-problemi li l-poplu qed iħabbat wiċċu magħhom ta’ kuljum”.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien il-mistieden tal-programm 10Q fuq NET Television, preżentat minn Sergio Mallia. Adrian Delia stqarr li meta jiltaqa’ man-nies, qed jitgħallem x’inhuma dawk l-affarijiet li verament iħassbuhom biex ikun jista’ jibni politika favur Soċjetà li Jimpurtaha.

Adrian Delia qal li l-isfida għall-Partit Nazzjonalista hi li jkun magħmul min-nies. U jekk bħala Kap tal-Partit, jirnexxielu jieħu lill-Partit Nazzjonalista lejn in-nies, ikunu n-nies li jagħtu lill-Partit Nazzjonalista lura lill-pajjiż.

U hi din il-ħidma li trid issir wara żewġ telfiet elettorali b’distakk daqstant qawwi.

Min-naħa l-oħra, faħħar ir-riżultati pożittivi li kiseb fl-2018 – l-ewwel sena sħiħa tiegħu bħala Kap tal-Partit – partikolarment fiż-żieda fit-tesserament u ankè fil-ġbir ta’ fondi fil-Maratoni li jsiru matul is-sena. Madankollu, jaf li għad fadal ħafna aktar xi jsir.

Adrian Delia qal li fil-Gvern Laburista ta’ Muscat, hemm nuqqas qawwi ta’ qbil dwar diversi kwistjonijiet politiċi. Fost l-oħrajn dwar id-deals li l-Gvern għamel mal-Vitals Global Healthcare – fejn il-Ministru Konrad Mizzi għażel lill-kumpanija Technoline għad-dritt esklussiv ta’ procurement għat-tliet Sptarijiet Pubbliċi, filwaqt li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne irid iqatta’ dan il-kuntratt.

U għax il-Partit Nazzjonalista jrid ikun Gvern Alternattiv, kif jixraqlu pajjiżna, baqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu ankè fil-vaganzi tal-Festi tal-Milied.

Adrian Delia stqarr li fl-aħħar ġimgħat kompla jitgħallem aktar billi juża’ l-problemi personali tiegħu biex jgħin lil min għaddej mill-istess problemi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li fil-ġimgħat li għaddew irċieva appoġġ fuq livell personali, ankè minn min għandu twemmin politiku differenti. Dan għaliex dawn qed iħossu li pajjiżna ma jistax jibqa’ maħkum minn politika ta’ mibgħeda lejn xulxin.