Edukazzjoni Lokali

Posposti l-eżamijiet tal-ewwel semestru fl-MCAST

L-istudenti jbatu l-konsegwenzi tat-tilwim preżenti

Tkompli tiggrava s-sitwazzjoni fl-MCAST hekk kif issa l-istudenti jkompli jbatu l-konsegwenzi. Fl-aħħar sigħat, numru ta’ studenti għadhom kemm irċivew email li l-eżamijiet tagħhom tal-ewwel semestru ġew posposti għal data indefinita. Dan l-email irċivewh ġimgħa qabel li suppost bdew l-eżamijiet.

Studenti li għamlu kuntatt magħna qalulna li ma jifilħux għal aktar, hekk kif ħajjithom f’din l-istituzzjoni edukattiva kontinwament qed tiġi mtappna b’tilwim industrijali.

L-edukaturi fl-MCAST is-sena l-oħra wkoll kienu f’tilwima industrijali mal-istess istituzzjoni fejn fost l-oħrajn b’kawża ta’ dan kien hemm uħud baqgħu 4 xhur bla riżulati xahar biss qabel l-eżamijiet tar-resits.

Mill-ġdid l-eżamijiet qed ikomplu jkunu mxekkla hekk kif b’din l-aħbar l-istudenti għadhom ma jafux x’se jiġri fi tmiem dan is-semestru u għadhom f’inċertezza dwar dak li se jiġri fil-bidu tat-tieni semestru.

L-għalliema qed jimxu bħalissa fuq direttivi tal-MUT, direttivi li ngħatawlhom fi sforz li ssir pressjoni sabiex is-sitwazzjoni tagħhom titjieb.

Informazzjoni li waslet għand Net News minn staff fi ħdan l-istess kulleġġ tgħid li hemm għalliema li għandhom jieħdu eluf ta’ ewro f’arrettrati. Sitwazzjoni, li qed toħloq ħafna problemi lill-istess għalliema li jinkludu problemi mal-banek u problemi meta jiġu biex jieħdu self.