Sport Sport Ieħor

Sharapova telimina liċ-champion renjanti Wozniacki b’wirja mill-aqwa

(Ritratt: EPA)

Maria Sharapova kkonfermat il-potenzjal tagħha meta eliminat liċ-champion renjanti Caroline Wozniacki bi prestazzjoni li fakkret lil ħafna fis-snin preċedenti meta kienet fost l-aqwa tennisti. Sharapova li rebħet it-tournament fl-2008 kellha 37 winner fir-rebħa ta’ 6-4, 4-6, 6-3.

Wozniacki marret 4-1 minn fuq fl-ewwel set iżda Sharapova għolliet il-livell u rebħet ħames logħbiet konsekuttivi biex ħadet vantaġġ kmieni. It-tieni set kellu storja simili qabel Wozniacki ħadet vantaġġ mis-service batut ta’ Sharapova tard fis-set u sfurzat decider.

Iżda r-Russa għalqet il-konfront mat-tieni match point li kellha biex rebħet f’sagħtejn u 24 minuta. L-avversarja fir-rawnd li jmiss hi l-Awstraljana Ashleigh Barty li eliminat lil Maria Sakkari 7-5, 6-1.

Garbine Muguruza eliminat lil Johanna Konta f’logħba li spiċċat fit-3.12am ħin tal-Awstralja li kienet waħda mill-aktar logħbiet li ntemmu tard fl-istorja tat-tournament. L-Ispanjola ta’ 25 sena rebħet 6-4, 6-7, 7-5. Id-darbtejn rebbieħa ta’ Grand Slam kisbet l-ewwel match point li kellha biex rebħet f’sagħtejn u 42 minuta.

Amanda Anisimova ta’ 17-il sena, eliminat lil Aryna Sabalenka 6-3, 6-2 f’siegħa u ħames minuti. Angelique Kerber għaddiet mal-aħħar 16 b’rebħa faċli ta’ 6-1, 6-0 fuq Kimberly Birrell. Ir-rebbieħa ta’ Wimbledon kellha bżonn biss 58 minuta biex fir-rawnd li jmiss tilgħab kontra Danielle Collins.

Petra Kvitova rebħet 6-1, 6-4 kontra Belinda Bencic, Sloane Stephens eliminat lil Petra Martic 7-6, 7-6 u Anastasia Pavlyuchenkova rebħet 6-0, 6-3 kontra Aliaksandra Sasnovich.