Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qed tkompli b’sensiela ta’ laqgħat ma’ wħud mill-Ministri ewlenin fil-Kabinett bil-għan li jiddiskutu t-triq ’il quddiem dwar il-Brexit.
Dan wara li l-ftehim tal-Prim Ministru ma’ Brussell għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ma ntlaqax mill-Parlament Britanniku fil-vot tat-Tlieta.
May anki se tkompli d-djalogu dwar il-Brexit ma’ mexxejja oħra tal-UE wara li ddiskutiet l-iżviluppi diġà mal-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, u mal-Prim Ministru Olandiż, Mark Rutte.
Kelliema fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’10 Downing Street (Londra) ikkonfermaw li l-kuntatti bejn May u mexxejja oħrajn tal-UE għandhom ikomplu fi tmiem il-ġimgħa.
Intant, il-Kummissjoni Ewropea, issa, indikat li l-Britanniċi jridu jagħżlu lir-rappreżentanti tagħhom għall-Parlament Ewropew li jmiss f’każ li r-Renju Unit ikompli bħala membru tal-UE lil hinn mill-ewwel laqgħa tal-assemblea l-ġdida, fit-2 ta’ Lulju.
//= $special ?>

