“Pajjiżna jinsab fi stat ta’ emerġenza fir-rigward tal-biedja” Hekk qal Edwin Vassallo il-Kelliem għall-PN dwar il-Biedja.
Dan hekk kif is-Sibt filgħodu, indirizza konferenza stampa rigward il-biedja f’Malta flimkien ma’ Peter Agius, kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej u ma’ Antoine Attard, kunsillier għall-PN ġewwa Birkirkara fejn ġew spjegati l-proposti tal-PN biex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-biedja.
Fi stqarrija l-PN qal illi l-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma bbażati fuq l-użu ta’ liġijiet Ewropej li jippermettu l-promozzjoni tal-prodott lokali permezz ta’ assistenza teknika lill-għaqdiet tal-bdiewa u raħħala u skemi tal-promozzjoni tal-prodott staġjonali, frisk jew b’impatt minimu fuq l-ambjent. Proposta oħra mressqa tinkludi l-użu ta’ faċilitajiet Ewropej għall-promozzjoni tal-prodott Malti barra minn xtutna.
Vassallo fetaħ id-diskors tiegħu billi spjega kif pajjiżna jinsab fi stat ta’ emerġenza għall-biedja hekk kif il-bdiewa jinsabu f’sitwazzjoni fejn xogħolhom m’għadux profitabbli fuq bażi full-time. U jekk is-sitwazzjoni tippersisti, pajjiżna se jispiċċa mingħajr bdiewa full-time.
Qal ukoll illi s-suq qed jikber, fis-sens illi d-domanda qed tiżdied, iżda l-bdiewa xorta waħda qed jaqilgħu inqas.
Ir-riżultat se jkun wieħed fejn il-poplu jispiċċa bla provista ta’ ħaxix, frott u ħalib frisk u lokali b’iżjed dipendenza fuq l-importazzjoni. Kien hawnhekk fejn Vassallo stqarr li għalkemm l-importazzjoni hija importanti, il-pajjiż m’għandux jissodisfa ruħu bl-importazzjoni biss.
Vassallo qal li matul l-2018, il-qligħ mill-biedja naqas b’9%, b’detriment għall-bdiewa. Huwa qal li dan huwa ta’ tħassib għaliex meta qed jonqsu l-bdiewa u l-qligħ tagħhom qed nirriskjaw li ma jkollniex aktar prodott frisk Malti. Dan meta l-istatistika qed turi li 70% tal-ħaxix u l-frott ikkonsmat mill-Maltin qed jiġi importat, kif ukoll tnaqqis fil-prodott lokali li jammonta għal 20% f’Malta u 35% f’Għawdex, meta l-popolazzjoni żdiedet b’14%. Edwin Vassallo qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-biedja f’Malta għandha ħafna x’toffri u se jkun qed jgħin biex il-bdiewa jkunu jistgħu jegħlbu l-isfidi. Żied jgħid li hemm bżonn li l-Gvern jerfa’ r-responsabbiltà u jittieħdu l-miżuri neċessarji qabel ma s-sitwazzjoni ssir waħda rriversibbli.
Fil-ftuħ tad-diskors tiegħu, Peter Agius qal li pajjiż li ma jimpurtahx min-nies tiegħu huwa pajjiż li qed jaqbad it-triq tan-niżla. Dan hu li qed jagħmel il-Gvern tagħna meta qed iwarrab il-bdiewa.
Agius qal li l-bdiewa u r-raħħala f’Malta qed jaffaċċjaw diffikultajiet kbar minħabba t-traskuraġni tal-Gvern kemm fl-applikazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għax mhux juża l-għodod Ewropej maħsuba apposta għall-promozzjoni tal-prodott agrikolu lokali. Huwa qal li Malta huwa l-unika pajjiż fl-Unjoni li ma użax fondi apposta għall-promozzjoni tal-prodott agrikolu barra l-pajjiż. Peter Agius qal li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista juru kif nistgħu nuzaw liġijiet Ewropej għall-promozzjoni tal-prodott Malti kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna.
Min-naħa tiegħu, Antoine Attard enfasizza il-bżonn li nkomplu nippromwovu l-prodott Malti b’mod effettiv u li jekk mhux se jittieħdu l-passi meħtieġa l-prodotti Maltin se jkunu qed jintilfu fis-suq miftuħ.
Dawn il-proposti se jiġu spjegati fid-detall lill-għaqdiet tal-biedja kif ukoll direttament lill-bdiewa u r-raħħala nfushom f’serje ta’ laqgħat pjanati fuq il-ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>