Inter fallew l-opportunità li jitilgħu momentarjament żewġ punti taħt Napoli meta kienu frustrati minn Sassuolo fi draw ta’ 0-0. Għat-tieni logħba konsekuttiva, Stadio Giuseppe Meazza kien vojt minħabba s-sospensjoni ta’ żewġ logħbiet minħabba insulti razzisti fil-konfronti ta’ Kalidou Koulibaly, bl-eċċezzjoni tat-tfal li kienu preżenti fl-istadium wara proposta minn Inter li kienet aċċettata.
In-Neroazzuri kellhom diversi okkażjonijiet ta’ skor iżda setgħu jagħmlu użu aħjar mid-diversi krosses u korners li kellhom filwaqt li żbaljaw diversi drabi quddiem il-lasta fil-ħin tad-deċiżjoni finali. Sassuolo lagħbu partita tajba ħafna u anki kienu ta’ periklu għal Samir Handanovic, bid-difensur Stefan de Vrij ikun providenzjali biex blokka fil-ħin xutt fil-baxx fil-91 minuta.
Roma telgħu momentarjament fir-raba’ post meta għelbu lil Torino 3-2 fi Stadio Olimpico wara li kienu se jarmu r-rebħa. Dan hekk kif huma tilfu vantaġġ doppju li kienu bnewh fl-ewwel taqsima. NICOLÒ ZANIOLO fetaħ l-iskor wara kwarta b’azzjoni personali mill-aqwa u persistanti, b’xutt mill-kaxxa ż-żgħira li għeleb lil Salvatore Sirigu fis-saqaf tax-xibka. Huma rduppjaw fit-33 minuta meta Stephan El Shaarawy deher jitwaqqa’ minn Sirigu fil-kaxxa. ALEKSANDAR KOLAROV skorja b’xutt fil-baxx.
Torino daħlu fil-logħba fil-51 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ TOMAS RINCON li ħasad lil Robin Olsen u spiċċa fir-rokna tax-xibka. It-tim ta’ Mazzarri ġab id-draw fis-67 minuta b’xutt mill-ewwel ta’ CRISTIAN ANSALDI wara li Manolas kien biegħed il-periklu parzjalment. Iżda Roma skorjaw il-gowl tar-rebħa sitt minuti wara b’passaġġ intelliġenti ta’ Lorenzo Pellegrini lejn STEPHAN EL SHAARAWY li għeleb lil Sirigu minn qagħda ideali.
Parma wkoll komplew jersqu lejn iż-żona Ewropea meta rebħu 2-1 kontra Udinese fid-Dacia Arena. ROBERTO INGLESE poġġa lil Parma minn fuq minn penalty fil-11-il minuta wara li Gervinho twaqqa’ fil-kaxxa, f’deċiżjoni li kienet konfermata bil-VAR.
It-tim ta’ Davide Nicola ġab id-draw fil-50 minuta permezz tal-attakkant STEFANO OKAKA li skorja bir-ras f’azzjoni konfuża u ftit fortunata. Madankollu kien fit-68 minuta li GERVINHO qabad lid-difiża avversarja fuq sieq waħda u b’kontrattakk ta’ madwar 70 metru baqa’ javvanza, qabeż lill-gowlkiper u xeħet f’lasta vojta.
//= $special ?>