Jaqbel ma’ ta’ Steward Healthcare li llum ma jridux esklussività fost aġenziji ta’ procurement, iżda ma kienx jaf x’qed jiġri meta kien Ministru tas-Saħħa.
Hekk irreaġixxa Konrad Mizzi, li fi żmienu bħala Ministru tas-Saħħa, intagħżlet il-Vital Global Healthcare biex tmexxi tliet Sptarijiet Pubbliċi – l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Iżda mistoqsi minn NET News jekk jaħsibx li sar żball li l-kumpanija Technoline ngħatat l-esklussività bħala aġenzija tal-procurement, Konrad Mizzi ħarab milli jikkundanna. Għalkemm f’nifs ieħor, qal li jaqbel ma’ ta’ Steward, li mhux se jużaw l-istess sistema.
Il-Ministru Mizzi kompla li issa, taħt it-tmexxija tal-Ministru Chris Fearne, ta’ Steward qed jisimgħu mill-parir biex dan ma jerġax iseħħ. Madankollu, u minkejja li hu nnifsu kien Ministru tas-Saħħa fi żmien meta seħħ il-ftehim, Konrad Mizzi qal li sar jaf b’dak li ġara grazzi għar-rapporti riċenti fil-media.
Din il-mossa, fi żmien meta Konrad Mizzi kien Ministru tas-Saħħa, wasslet għall-kundana fost l-oħrajn mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne – illum Ministru tas-Saħħa – li qal li lest iwaqqaf il-kuntratt li ffirma l-Ministru Mizzi u li bih, il-kumpanija Technoline ngħatat dritt esklussiv ta’ procurement.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia daħal il-Qorti biex jiddefendi l-aħjar interessi tal-poplu Malti u Għawdxi ħalli dawn it-tliet Sptarijiet Pubbliċi jirritornaw lura f’idejn il-poplu, kif xi darba kienu.
//= $special ?>