Meqjusa waħda mill-akbar traġedji tal-immigrazzjoni. Rakkonti xokkanti qed joħorġu dwar dak li ġara fl-aħħar 24 siegħa ‘l barra mil-Libja. Fost il-vittmi, diversi nisa u t-tfal. Il-ftit li salvaw qed jgħidu li kienu 120. Mal-grupp, anke trabi ta’ ftit xhur.
Rapporti fil-media Taljana qed iwasslu dettalji inizzjali ta’ din l-istraġi li seħħet fil-baħar Mediterran – nawfraġju li żgur se nisimgħu aktar dwaru fil-jiem li ġejjin.
Dawk li salvaw qed jgħidu li għalihom “kien aħjar immutu milli joħduna lura l-Libja”.
L-immigranti li ittellgħu ħajjin qed jingħataw assistenza mill-militar Tajan.
F’każ separat, jidher li anke l-bastiment Sea Watch 3 kien involut f’ħidma ta’ għajnuna fejn l-ekwipaġġ salva grupp ta’ 47 immigrant.
Dwar dan il-każ, kiteb fuq Twitter il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li staqsa meta l-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha se jqumu u jieħdu azzjoni serja. Hu għalaq bil-messaġġ: jimpurtana mill-ħajja.