Sport Sport Ieħor

Noel Mercieca u Samuele Andolina jiksbu diploma rikonoxxuta mill-Kumitat Olimpiku Taljan

Il-fundatur u kowċ ta’ Ying Yang Team Noel Kickboxing Club Malta Noel Mercieca flimkien mal-atleta professonali Samuele Andolina rritornaw lura Malta hekk kif lestew Diploma Nazzjonali f’Venezia fl-Italja. Huma kienu taħt it-tmexxija ta’ Master Alfio Romanut, l-istess kowċ li rawwem atleti professjonali kemm fil-kickboxing kif ukoll fil-K1, fosthom il-ġellied ta’ fama mondjali Giorgio Petrosyan.

Mercieca u Andolina saħansitra kellhom imorru Venezia erba’ darbiet biex ikunu jistgħu jitħarrġu b’mod professjonali fil-mod ta’ kif wieħed jgħallem, kif tingħata assistenza medika waqt kompetizzjonijiet, l-anatomija tal-ġisem u livell għoli ta’ eżerċizzju fiżiku fost ħafna aktar.

Mercieca u Andolina tgħallmu wkoll diversi tekniki differenti kif ukoll padwork li se jkun ta’ ġid għall-atleti Maltin li uħud minnhom anke jikkompetu fuq livell professjonali.

Dan il-kors sar mill-Entità Nazzjonali Demokratika tal-Azzjonijiet Soċjali magħrufa aħjar bħala ENDAS. Kors ta’ dan il-livell għandu rikonoxximent madwar il-pajjiżi kollha tal-Ewropa b’mod speċjali diversi ministeri Taljani. Dan iċ-ċertifikat hu rikonoxxut ukoll minn bosta skejjel tal-isport u universitajiet kif ukoll mill-Kumitat Olimpiku Taljan il-CONI.

Bil-kisba ta’ din id-diploma, Noel Mercieca u Samuele Andolina huma l-uniċi żewġ kowċis f’pajjiżna li huma kkwalifikat li jħarrġu atleti tal-kickboxing u K1 f’każ li xi darba dan l-isport jilħaq livell Olimpiku biex ikun iffurmat tim Malti.