Sport Sport Ieħor

Novak Djokovic u Alexander Zverev jgħaddu mal-aħħar 16 tal-Open tal-Awstralja

(Ritratt: EPA)

Novak Djokovic kompla javvanza fl-Open tal-Awstralja meta għeleb lil Denis Shapovalov 6-4, 6-4, 4-6, 6-0 u għall-ewwel darba f’dan it-tournament tilef set. Is-Serb iżda spikka fuq aspett negattiv hekk kif kien frustrat minħabba li nxtegħlu d-dwal artifiċjali meta kien għad hemm id-dawl tax-xemx.

Djokovic kien jinsab żewġ sets minn fuq u 4-1 fil-vantaġġ fit-tielet set, qabel iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena rebaħ ħames logħbiet konsekuttivi u sforza r-raba’ set. Iżda l-14-il darba rebbieħ ta’ Grand Slam reġa’ kkontrolla l-logħba u rebaħ is-set f’26 minuta bie għalaq il-logħba.

Permezz ta’ din ir-rebħa, Djokovic assigura postu fil-quċċata tar-rankings tad-dinja qabel Rafael Nadal. Hu kien irritorna fil-quċċata f’Novembru li għadda. Is-sitt darbiet rebbieħ f’Melbourne qed jittama li jaqbeż lil Roy Emerson u Roger Federer. Mal-aħħar 16, hu jilgħab kontra Daniil Medvedev li għeleb lil David Goffin 6-2, 7-6, 6-3.

Il-Ġappuniż sid numru tmienja Kei Nishikori rebaħ kontra Joao Sousa 7-6, 6-1, 6-2, bl-avversarju tiegħu fir-rawnd li miss hu Pablo Carreno Busta li għeleb lit-Taljan Fabio Fognini 6-2, 6-4, 2-6, 6-4.

Il-Kanadiż Milos Raonic elimina lil Pierre-Hugues Herbert 6-4, 6-4, 7-6 u fir-rawnd li jmiss se jkollu interessanti. Hu se jilgħab kontra Alexander Zverev li rebaħ kontra l-Awstraljan Alex Bolt 6-3, 6-3, 6-2.

Iż-żagħżugħ Kroat Borna Coric rebaħ kontra s-Serb Filip Krajinovic 2-6, 6-3, 6-4, 6-3 filwaqt li l-Franċiż Lucas Pouille tħabat biex għeleb lill-Awstraljan Alexei Popyrin 7-6, 6-3, 6-7, 4-6, 6-3.