Lokali

Sitta minn sitta għal Solskjaer fil-Premier League …. Liverpool ibatu iżda jerġgħu jirbħu

(Ritratt: EPA)

Liverpool fetħu mill-ġdid vantaġġ ta’ seba’ punti fil-quċċata tal-Premier League iżda kellhom ibatu mhux ħażin biex jegħlbu l-isfida determinata ta’ Crystal Palace, li jistgħu jħossuhom sfortunati li ma ħadux xi ħaġa minn din il-logħba.

Intant, Ole Gunnar Solskjaer kiteb l-istorja bħala l-ewwel manager ta’ Manchester United li rebaħ l-ewwel sitt logħbiet fil-kampjonat (seba’ b’kollox meta wieħed jinkludi r-rebħa fuq Reading fl-FA Cup) mindu ħa t-tmun tal-klabb. Dan meta r-Red Devils issuperaw lil Brighton and Hove Albion f’Old Trafford biex kabbru t-tamiet għal post mal-ewwel erbgħa.

L-eroj ta’ Liverpool ma’ Palace kien l-attakkant prolifiku Mohamed Salah b’żewġ gowls fir-rebħa, 4-3, u fejn anki rnexxielu jiskorja l-50 gowl personali tiegħu fil-Premier League. Iżda waqt li r-Reds kienu l-aħjar fl-ewwel taqsima kienu Palace li żblukkaw ir-riżultat qabel il-mistrieħ minn Andros Townsend li sammar ġewwa fuq il-cross ta’ Zaha.

Ir-Reds wieġbu minnufih minn Salah mal-ftuħ tat-tieni taqsima, b’Roberto Firmino jagħmilhom 2-1 seba’ minuti wara — iżda Palace baqgħu jemmnu u James Tomkins approfitta minn żball tad-difiża biex jiskorja bir-ras, minn korner, għall-gowl tad-draw.

Intant, kellu jkun il-gowlkiper ta’ Palace, Speroni (li kien qed jilgħab l-ewwel logħba tiegħu minn Diċembru tal-2017) li rregala mill-ġdid il-vantaġġ lil Liverpool meta ma żammx il-ballun fuq il-linja u b’Salah jitfa’ ġewwa mingħajr diffikultà.

L-azzjonijiet ma waqfux u fid-89 minuta tkeċċa Milner għal Liverpool,  iżda r-Reds għalqu kull diskors bir-raba’ gowl skurjat minn Mane fit-93 minuta. Madankollu, Palace reġgħu naqqsu d-distakk sekondi qabel is-suffara finali, meta Max Meyer skorja l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk tal-Eagles għat-3-4 finali.

Manchester United qegħdin jidhru bħala tim mibdul għal kollox anki jekk kellhom jgħaddu minn xi minuti ta’ ansjetà qabel serrħu rashom mill-punti kontra s-Seagulls. Il-ftuħ kien kollu tar-Red Devils u Paul Pogba poġġihom fil-vantaġġ minn penalty fis-27 minuta, b’Marcus Rashford jirdoppja qabel il-mistrieħ b’solo goal mill-isbaħ biex jiċċelebra bl-aħjar mod il-150 dehra tiegħu għal United.

Fit-tieni taqsima United ħlew diversi okkażjonijiet ta’ skor u 20 minuta mit-tmiem Brighton naqqsu d-distakk minn Pascal Gross, bil-ballun jaħbat mal-lasta u jispiċċa fix-xibka ta’ David de Gea. Iżda dan ma kienx biżżejjed biex isalva lis-Seagulls milli jsofru l-ħames telfa mill-aħħar tmien impenji fil-Premier League.

Arsenal għelbu lil Chelsea, 2-0, fid-derby ta’ Londra fl-Emirates Stadium u komplew bl-isfida għal post mal-ewwel erbgħa fil-klassifika. B’din ir-rebħa, il-Gunners telgħu fil-ħames post tal-Premier League, b’differenza ta’ gowls aħjar minn Manchester United, u meta dawn iż-żewġ tims għandhom żvantaġġ ta’ tliet punti ma’ Chelsea.

Il-gowls ta’ Arsenal waslu fl-ewwel taqsima, b’Alexandre Lacazette, fl-14-il minuta, jirċievi mingħand Bellerin biex jegħleb lill-gowlkiper Kepa Arrizabalaga b’xutt qawwi. Il-Gunners komplew jagħfsu u ħames minuti mill-mistrieħ, il-captain, Laurent Koscielny, kompla l-ballun għal ġewwa bi spalltu għall-gowl deċiżiv tal-logħba.

Logħba oħra eċċitanti u li baqgħet indeċiża sal-aħħar sekonda kienet dik f’Molineux bejn Wolves u Leicester, b’Wolves jiftħu vantaġġ doppju, grazzi għal Diogo Jota (4) u Bennett (12), li rnexxielhom iżommu sal-mistrieħ. Iżda bħalma għamlu Wolves fl-ewwel taqsima għamlu l-Foxes fit-tieni, b’Damarai Gray inaqqas l-iżvantaġġ fuq azzjoni personali u b’awtogol ta’ Coady jikkonferma l-parità ta’ Leicester.

Il-logħba baqgħet miftuħa u Jota għamilhom 3-2 għal Wolves wara ħarba veloċi, iżda Leicester wieġbu tliet minuti mit-tmiem bid-daqqa ta’ ras ta’ Morgan fuq il-freekick ta’ Maddison. Madankollu, id-difiża ta’ Leicester, tard fil-ħin miżjud, ma rnexxilhiex taqta’ ballun fit-tul ta’ Neves lil Raul Jimenez li fil-pront qassam għan-nofs lejn Jota li għaqqad il-hat-trick b’xutt fuq il-ġirja, għall-4-3.

Bournemouth kisbu rebħa meritata fuq West Ham 2-0, fil-Vitality Stadium, b’Callum Wilson iwitti t-triq għas-suċċess b’volley fuq l-assist ta’ Fraser fit-53 minuta. Il-Hammers minn dak il-ħin ippruvaw jilgħabu aktar fuq l-attakk iżda d-difiża taċ-Cherries żammet soda u fid-90 minuta Bournemouth aċċertaw mir-riżultat meta Brooks għadda l-ballun lil Joshua King li għeleb mill-ġdid lill-gowlkiper Fabianski.

Newcastle ħarġu miz-zona l-ħamra b’rebħa kbira, 3-0, fuq Cardiff f’St James’ Park u meta l-istess Bluebirds, issa, jinsabu t-tielet mill-aħħar fil-klassifika. Id-difensur Żvizzeru Fabian Schar skorja l-ewwel gowls tiegħu bħala plejer ta’ Newcastle bejn l-24 u t-63 minuta u għall-vantaġġ komdu tal-Geordies. Cardiff kienu kważi ineżistenti fl-attakk u Ayoze Perez issiġġilla r-rebħa bit-tielet gowl, fil-ħin miżjud, fuq is-suġġeriment ta’ Salomon Rondon.

Watford u Burnley spiċċaw fi draw, 0-0, f’Vicarage Road, b’dan ir-riżultat ikun dovut l-aktar għall-forma stupenda taż-żewġ gowlkipers — Ben Foster tal-Hornets u Tom Heaton. F’logħba movimentata fejn l-azzjonijiet ma naqsux, iż-żewġ gowlkipers kellhom jagħmlu numru ta’ interventi diffiċli, b’Heaton jiċħad lill-attakkanti ta’ Watford, Deulofeu u Deeney u b’Foster ukoll jimpressjona b’saves fuq tentattivi mill-qrib ta’ Ashley Barnes u Jeff Hendrick.

Southampton taw waħda mill-aħjar wirjiet tal-istaġun b’rebħa ta’ 2-1 fuq Everton f’St. Mary’s Stadiumm u għal riżultat li jbiegħdhom miz-zona l-ħamra. Wara li ddominaw l-ewwel taqsima, is-Saints marru fil-vantaġġ fil-50 minuta b’xutt bomba ta’ James Ward Prowse li sab ir-rokna tax-xibka — bil-ġurnata tkompli tiġi ħażina għal Everton meta Digne (64) għeleb lill-gowlkiper tiegħu għal awtogol klassiku. Il-gowl qatel kull tama għat-Toffees li jsalvaw punt, għalkemm fl-aħħarnett, Gylfi Sigurdsson irnexxielu jiskorja konsolazzjoni fl-ewwel minuta tal-ħin miżjud.