QRENDI ……………………. 0 SANTA LUCIA ………….. 3
Qrendi: J. Farrugia, M. Farrugia (D. Micallef 75’), C. Caruana (D. Zarb 72’), N. Falzon, R. Dalli (B. Bondin 58’), M. Barbara, Z. Bowman, J. Spiteri, J.P. Da Silva Vargas, C. Quaranta, J. Silveira Da Silva
Santa Lucia: R. Caruana, M. Caruana, N. Spiteri, J. Usaga Mendoza, M. Desira Buttigieg (P. Lapira 46’), J. Suda, K. Ante Rosero (M. Guillari 46’), K. Pulo, P. Teixeira Maia, K. Camilleri, N. Borg (M. Gatt 85’)
Referee: Sandro Spiteri
Żewġ penalties fil-bidu tat-tieni taqsima, wittew it-triq għar-rebħa ta’ Santa Lucia fuq Qrendi, rebħa li tpoġġi lil Santa Lucia temporanjament fl-ewwel post bl-istess punti ta’ Sirens li lagħbu logħba inqas. Il-penalties kienu xi ftit kontroversjali, speċjalment it-tieni wieħed li frankament deher penalty ineżistenti.
Bla dubju dawn iż-żewġ azzjonijiet dawru għal kollox l-andament tal-logħba li sa dak il-ħin kienet ferm ekwilibrata fejn kien jidher ċar li Santa Lucia kienu se jsibuha ferm diffiċli biex jinfdu d-difiża avversarja. Wara l-penalties u anki t-tielet gowl, il-logħba kienet kompletament differenti u Santa Lucia ddominaw biex ir-rebħa kienet waħda meritata.
L-ewwel taqsima kienet mill-iktar kwieta fejn l-azzjonijiet perikolużi kienu verament rari. Santa Lucia kellhom iktar pussess tal-ballun, però dan kien pussess sterili għaliex qatt ma nkwetaw lill-gowlkiper ta’ Qrendi Farrugia.
Qrendi kienu ferm organizzati u dixxiplinati fejn ma ħallewx spazju lill-avversarji joperaw. Ta’ min jgħid li Santa Lucia jidhru li qed iħossu n-nuqqas ta’ Paiber li ngħaqad ma’ Floriana, fejn il-vojt ta’ dan il-plejer jidher li għadu ma nteliex u l-azzjoni ta’ Santa Lucia m’għadiex fluwida.
L-ewwel mill-ftit azzjonijiet waslet wara l-għoxrin minuta bi freekick ta’ Ante Rosero jkun imxellef mid-difiża ta’ Qrendi bil-ballun imur barra. Fil-25 minuta azzjoni ta’ Qrendi u xutt bid-dawra ta’ Ciro Quaranta bil-ballun imur ftit barra.
Fit-38 minuta l-isbaħ azzjoni ta’ Santa Lucia, azzjoni veloċi ta’ kontrattakk fejn Kevin Camilleri żmarka fit-tul lil Ante Rosero li minn qagħda angolata ra x-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra. Qabel intemmet it-taqsima, free-kick għal Qrendi minn pożizzjoni ideali, iżda x-xutt ta’ Caruana jgħaddi ftit għoli.
Santa Lucia għamlu żewġ bidliet fil-bidu tat-tieni taqsima u wara tliet minuti fetħu l-iskor meta kien hemm kuntatt bejn Caruana u Usaga Mendoza bir-referee jordna l-penalty li minnu JURGEN SUDA skorja b’xutt fil-baxx. Fit-53 minuta azzjoni kontroversjali fil-kaxxa ta’ Qrendi fejn Guillari deher ikun miġbud xi ftit minn Neil Falzon bir-referee jordna t-tieni penalty li minn l-istess GUILLARI skorja b’xutt fil-baxx.
Għaxar minuti wara Santa Lucia skorjaw it-tielet gowl, din id-darba gowl mill-isbaħ kollu mertu ta’ PAUL LAPIRA li daħal fil-kaxxa, qabeż plejer u minn pożizzjoni angolata jiskorja gowl verament tajjeb. Il-logħba kienet issa mirbuħa u mitlufa u Santa Lucia bdew jilagħbu ferm aħjar bit-tim ta’ Qrendi għal kollox rassenjat fit-72 minuta Jurgen Suda b’xutt sabiħ laqat sieq il-lasta.
Ir-raba’ rebħa konsekuttiva għal Żejtun
ŻEJTUN C …………………. 3 ŻEBBUĠ R. ……………….. 0
Żejtun: G. Zammit, C. Giordemaina, A. Carabott, A. Smeir (R. Spiteri 65’), G. Sultana, J. Castano, D. Albanese (I. Azzopardi 77’), R. De Fex Marriaga (V. Geraskins 85’), B. Farrugia, N. Tabone, G. Azzopardi.
Żebbuġ: J. Borg, S. Schembri, R. Vella, H. Vella, D. Pace (I. De Rocha Souza 31’), A. Curmi (K. Tanti 84’), B. Muscat, C. Brincat (J. Farrugia 46’), J. Caetano Da Silva, R. Micallef, G. De Sousa Braga.
Referee: Etienne Mangion
Żejtun Corinthians komplew bil-mixja tagħhom lejn il-pożizzjonijiet ta’ quddiem meta kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva tagħhom. Il-vittmi tagħhom ilbieraħ kienu Żebbuġ Rangers li issa ilhom seba’ logħbiet mingħajr rebħa.
Żejtun serrħu rashom mill-punti fl-ewwel taqsima, fejn wara bidu kwiet, ma ħarsu qatt lura wara li fetħu l-iskor permezz ta’ Sultana. It-tieni parti tal-ewwel taqsima kien l-aħjar mument ta’ Żejtun fejn ipproduċew l-aħjar futbol u tliet gowls tajba. Fit-tieni taqsima Żejtun assorbew tajjeb il-pressjoni li ħolqu Żebbuġ, li fit-tieni taqsima attakkaw għal ħinijiet twal iżda qatt ma kienu perikolużi.
Bidu kwiet u bilanċjat tal-logħba sakemm il-bilanċ inkiser fit-22 minuta bil-gowl tal-vantaġġ ta’ Żejtun. Kellna kross ta’ Azzopardi bil-ħarġa tal-gowlkiper Jurgen Borg li ppanċja l-ballun f’saqajn GIANLUCA SULTANA li b’xutt bomba minn distanza twila spara fix-xibka.
Fid-29 minuta Żejtun irduppjaw b’azzjoni mill-isbaħ mibdija minn Carabott fuq ix-xellug fejn qassam għan-nofs lejn ADAM SMEIR li kkontrolla tajjeb qabel għeleb lil Borg b’xutt fil-baxx. Żejtun issa kienu f’kontroll sħiħ tal-logħba u Żebbuġ bdew isibuha ferm bi tqila biex ikunu effettivi fl-attakk.
Fl-40 minuta azzjoni oħra ta’ Żejtun u xutt ta’ Castano u risposta brillanti tal-gowlkiper li dawwar għal korner b’diffikultà. Fl-44 minuta Żejtun għamluhom tlieta b’azzjoni oħra brillanti mill-captain tagħhom Carabott, din id-darba minn fuq il-lemin fejn daħal fil-kaxxa u qassam lejn ADAM SMEIR li għal darb’oħra b’xutt fil-baxx spara fix-xibka.
Fit-tieni taqsima Żebbuġ xeħtu kollox fl-attakk iżda ma kienux perikolużi wisq minkejja l-pressjoni li wettqu. Fil-55 minuta Żejtun kellhom azzjoni ta’ kontrattakk iżda Carabott falla minn quddiem il-lasta.
Klassifika: Sirens 30 punt, Santa Lucia 30 punt, Gudja United 23 punt, Naxxar Lions 20 punt, Żejtun Corinthians 20 punt, Lija Athletic 19-il punt, Swieqi United 17-il punt, Qrendi 17-il punt, Pembroke Athleta 16-il punt, Żebbuġ Rangers 15-il punt, Vittoriosa Stars 15-il punt, Mqabba 13-il punt, San Ġwann 10 punti, Marsa 5 punti
//= $special ?>