Internazzjonali

Akkużi kontra deputati fost l-inċertezza ta’ Brexit

Is-Segretarju Britanniku għall-Kummerċ Internazzjonali, Liam Fox, akkuża lid-deputati parlamentari li huma favur li r-Renju Unit ikompli fl-Unjoni Ewropea b’li ‘qegħdin jippruvaw jisirqu l-proċess ta’ Brexit’.

Dan fost l-inċertezza tal-aħħar ġranet fil-House of Commons u fost rapporti li numru ta’ deputati mlaqqmin ‘Remainers’ qed jippruvaw jieħdu kontroll tal-proċess.

Fox qal li hemm numru sinifikanti ta’ Britanniċi li jridu li r-Renju Unit iwarrab mill-UE flimkien ma’ elementi fil-Parlament li jridu l-istatus quo. Hu tenna wkoll li ‘il-Parlament ta’ Londra m’għandux id-dritt li jaħtaf il-proċess tal-Brexit u jmexxih skont ma jidhirlu hu’.

Liam Fox, fl-istess ħin, wissa li sitwazzjoni fejn ir-riżultat tar-referendum dwar il-Brexit ma jkunx onorat għandha twassal għal ‘konsegwenzi politiċi astronomiċi’.

Fl-aħħar jiem kien hemm diversi inizjattivi fost id-deputati f’Londra biex jevitaw sitwazzjoni fejn ir-Renju Unit jitlaq mill-UE mingħajr ftehim, fid-29 ta’ Marzu.

Intant, Sir Keir Starmer tal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, qal li l-Prim Ministru Theresa May għandha tiċħad għal no-deal Brexit . Starmer jemmen li hu ‘inevitabbli’ li l-Artiklu 50 tat-Trattat tal-UE ( li permezz tiegħu pajjiż jista’ ma jkomplix bħala membru tal-Unjoni) għandu jkun pospost għal data oħra.

Hu kompla li l-iżviluppi tal-ġimgħa l-oħra fil-Parlament ta’ Londra – fejn id-deputati rrifjutaw bi ħġarhom il-ftehim għall-Brexit li Theresa May kienet innegozjat mal-UE – żiedu l-probabbiltà ta’ referendum ġdid dwar l-isħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni.

Illum, Theresa May għandha tagħmel stqarrija lid-deputati fil-House of Commons, fejn tipproponi kif beħsiebha tipproċedi bil-Brexit. Dan fost l-istaġnar fil-Parlament dwar ‘x’għandha tkun l-aħjar triq ‘il quddiem’ fiċ-ċirkustanzi. May anki se tressaq mozzjoni għal dibattitu u li ssir votazzjoni dwarha fid-29 ta’ Jannar.