Il-Pulizija fl-Irlanda ta’ Fuq arrestaw żewġ irġiel b’konnessjoni ma’ attakk b’karozza-bomba fl-inħawi ta’ Londonderry. Sadanittant, l-awtoritajiet qegħdin jinvestigaw jekk l-il-grupp militanti New IRA kienx responsabbli mill-karozza-bomba inkwistjoni li splodiet fil-lejl tas-Sibt barra l-bini tal-qorti f’dik il-belt.
L-Assistent Kuntstabbli Ewlieni, Mark Hamilton, tkellem dwar l-attakk waqt konferenza tal-aħbarijiet u qal li filwaqt li l-isplużjoni ma ħalliet l-ebda vittmi ‘din, bla dubju seħħet bħala attentat sinifikanti biex jinqatlu n-nies fil-komunità’.
Issa, l-awtoritajiet qed jikkonċentraw l-investigazzjoni fuq in-New IRA li hu wieħed minn diversi gruppi estremisti li jopponu għall-Ftehim għall-Paċi storiku tal-1998 għall-Irlanda ta’ Fuq. Il-ftehim inkwistjoni, fil-parti kbira, kien ‘għalaq il-bieb’ fuq 30 sena ta’ vjolenza f’din il-provinċja taħt amministrazzjoni Britannika, iżda n-New IRA xorta baqa’ iwettaq xi attakki tul l-aħħar snin.
L-isplużjoni f’Londonderry seħħet meta l-Pulizija fl-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża wissew li l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ fruntiera bil-kontrolli riġidi bejniethom wara l-Brexit ( il-ħruġ ippjanat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea) kapaċi tqanqal ‘reazzjoni vjolenti mill-gruppi militanti.’
Sadanittant, ir-rappreżentanti tan-naħat politiċi kollha fl-Irlanda ta’ Fuq ikkundannaw dan l-attakk.
//= $special ?>

