Lokali

B’ironija jaħrab milli jitkellem fuq il-problemi tan-nies

Ma joffri l-ebda soluzzjoni

Minkejja li qed ikun affaċċjat minn pressjoni mid-deputati tiegħu stess għall-mod kif il-Ministru konrad Mizzi ta konċessjoni ta’ art f’San Ġiljan, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma għamel l-ebda riferenza għal dan.

Muscat kien qed jitkellem fil-Każin Laburista taż-Żurrieq fejn ma għamel l-ebda riferenza għall-mod kif art f’wieħed mill-aqwa siti f’San Ġiljan tqassmet bi skont qawwi lill-Grupp Corinthia.

Ma’ gazzetta llum, id-Deputati Laburisti qalu li huma inkwetati dwar dan il-ftehim u li qed jagħmlu pressjoni biex l-affarijiet jinbidlu qabel jittieħed il-vot fil-Parlament. Tant hu hekk li l-Erbgħa li għadda ġiet posposta laqgħa li fiha kien se jittieħed vot dwar l-art f’San Ġiljan.

Art li ngħatat lil dan il-grupp għal frazzjoni tal-valur proprju tagħha wara negozjati li tmexxew mill-Ministru Konrad Mizzi. Tant hu hekk li fis-suq, l-art hi stmata li tiswa’ €121 miljun iżda ngħatat biss għal €17-il miljun.

Ironikament, fid-diskors tiegħu Joseph Muscat tkellem fit-tul dwar it-Ten Year Challenge li saret popolari fuq il-midja soċjali biex qabbel kif qed tinbidel Malta. Madankollu ma qal xejn dwar kif il-proġett tal-Grupp Corinthia f’San Ġilajn, li jinkludi wkoll żewġ torrijiet, se jbiddel din iż-żona darba għal dejjem.

Intant ma semma’ xejn lanqas fuq ir-relazzjoni ħażina bejn Chris Fearne u Konrad Mizzi … liema sitwazzjoni waslet biex id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jiddikjara li lest iwaqqaf il-kuntratt li ffirma l-Ministru Mizzi u li bih, il-kumpanija Technoline ngħatat dritt esklussiv ta’ procurement.

B’metafora kontinwa dwar it-10 year challange Joseph Muscat ma tkellimx fuq il-qerda tal-ambjent u kif kontinwament meded kbar ta’ art qed jirkibhom l-iżvilupp tal-bini.

B’ironija Muscat qal li jirikonoxxi li f’pajjiżna hawn il-faqar. Dan b’differenza minn 10 snin ilu, madanakollu ma qal xejn fuq x’se jagħmel biex il-fqir ma jibqax fqir… biex dawk li issa saru bla saqaf fuq rashom issa jkollhom fejn joqogħdu.

Dan fl-isfond ta’ rapporti li fl-2019 se jkollna 13-il elf ħaddiem barrani ġdid f’pajjiżna, b’piż fuq il-Maltin li jinsabu bi problemi jew f’riskju ta’ faqar.

Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kap tal-PN Adrian Delia u l-kelliema tiegħu ilu jsostni li l-pjanijiet tal-Gvern mhux pjanati għat-tul, iżda mil-lum għal-lum. Dan kull ma jmur qed jiġi rifless fid-diskorsi ta’ Joseph Muscat.