Il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat jinsab maqsum b’fazzjoni li aktar ma jmur qed tappoġġja fil-pubbliku lill-Viċi Prim Ministru Chris Fearne u oħra li qed tiddefendi lill-Ministru Konrad Mizzi li għandu s-sostenn ta’ Kastilja.
Ir-relazzjoni ħażina bejn Chris Fearne u Konrad Mizzi ilha sejra mill-ħażin għall-agħar sa minn meta tela’ Gvern Laburista fl-2013. Dak iż-żmien, Joseph Muscat kien għażel li jinjora lil Chris Fearne li kien ilu jimmilita fil-Partit Laburista ferm qabel Joseph Muscat innifsu, u minflok poġġa lil Konrad Mizzi bħala Ministru tal-Enerġija minkejja li ma kellu l-ebda esperjenza politika.
Iżda sorsi fil-Partit Laburista jgħidu li Chris Fearne kien ħadha bi kbira meta Kastilja tajret lil Godfrey Farrugia minn Ministru tas-Saħħa u minfloku għamlu lil Konrad Mizzi biex dak li għamel fil-kuntratt tal-power station il-ġdida jagħmlu wkoll fil-bejgħ ta’ tliet sptarijiet li ta lil Vitals.
Is-sorsi jgħidu li Chris Fearne kellu kliem iebes għall-Prim Ministru dwar d-deal mal-Vitals. Kien biss wara li nkixef li kellu kumpaniji sigrieti fil-Panama li l-Prim Ministru kellu jneħħi d-dikasteru tas-Saħħa lil Konrad Mizzi u jagħtih lil Chris Fearne. Kieku m’għamilx hekk, Fearne kien jirriżenja.
Malli daħal fil-Ministru tas-Saħħa, Fearne mill-ewwel beda l-proċess biex inaddaf il-ħmieġ li sab. L-ewwel li tneħħa mill-Ministeru, fejn kellu uffiċċju u saħħa kbira, kien il-konsulent ta’ Joseph Muscat Neville Gafà, li qed jiffaċċja akkużi fil-qrati b’relazzjoni mal-visas għal persuni Libjani.
Iżda dan ma kienx biżżejjed. Il-firda fil-Gvern ta’ Muscat wasslet biex Chris Fearne jagħmel minn kollox biex jesponi d-deal korrot mal-Vitals. Issa sirna nafu permezz tas-sit ShiftNews li Vitals, wara li telqu minn Malta b’€50 miljun ta’ flus il-poplu, biegħu t-tliet sptarijiet Maltin u Għawdxin għal €1 biss waqt li ħadu miljuni oħra li għaddew minn strutturi finanzjarji f’Dubaj. Wara dan kollu hemm l-id ta’ Konrad Mizzi. Il-mudell jibqa’ l-istess bħal dak tal-power station il-ġdida u bħat-trasferiment tal-art lill-Università tal-Ġordan.
Propju għaliex Chris Fearne kien lest jesponi lil Konrad Mizzi, ta’ Kastilja għamlu minn kollox biex iwaqqfuh milli jsir Viċi Prim Ministru. Iżda Fearne, li rnexxielu jkabbar l-appoġġ lejh fil-Partit Laburista, irnexxielu jegħleb il-klikka ta’ Kastilja u sar Viċi Prim Ministru, issa b’aktar saħħa politika kontra Konrad Mizzi.
Propju ftit tal-ġranet ilu, Chris Fearne għadda biex jagħti daqqa mortali oħra. Iddikjara li l-kuntratt li sar bil-barka ta’ Konrad Mizzi fejn Vitals jixtru l-mediċini kollha għall-isptarijiet mingħand kumpannija waħda: Technoline Ltd, jiġi null. Technoline kienet inxtrat minn wieħed mill-impjegati tagħha li żgur qatt ma kellu l-mezzi biex jixtriha. ShiftNews żvelaw dokumenti li juru kif flejjes il-poplu li marru għand Vitals intużaw biex tinxtara t-Technoline li sussegwentament kienet qed tieħu t-tenders kollha għall-mediċi fl-isptarijiet Maltin. Ċirku vizzjuż fejn flus il-poplu jduru għal għand il-ftit u saħansitra jitilqu ’l barra f’kontijiet sigrieti. U dan kollu bil-barka ta’ Konrad Mizzi.
Sorsi fi ħdan il-Partit Laburista ddeskrivew kif is-sitwazzjoni ta’ tensjoni bejn dawk ta’ Fearne u dawk ta’ Kastilja saret insapportabbli. “Imnalla l-poplu kien mehdi bil-kwistjonijiet fi ħdan il-PN għax kieku kulħadd kien jinduna bil-qasma li teżisti bejn dawn iż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Laburista,” qalilna persuna li jimmilita fil-Partit Laburista u membru tal-Eżekuttiv tal-Partit.
Tant saret gravi s-sitwazzjoni u tant issaħħaħ Chris Fearne kontra ta’ Kastilja, li t-talba lil Joseph Muscat biex ibiddel fehmtu u jibqa’ fit-tmexxija tal-Gvern, kibret sew. Ta’ Kastilja qed isostnu li jekk Muscat jagħmel kif wiegħed u jitlaq wara l-elezzjoni tal-MEP’s, allura Chris Fearne jieħu t-tmexxija żgur u l-ewwel wieħed li jkollu għalfejn jinkwieta jkun Konrad Mizzi.
Sadattant, dawk kontra Chris Fearne qed jippruvaw iħammġuh billi jdawru stejjer ta’ natura personali kontrieh biex iħammġulu ismu. Dawn l-allegazzjonijiet waslu wkoll għand il-mument iżda aħna nirrifjutaw li nservu ta’ tapp għal min irid jifred il-familji għal gwadann politiku.
Barra minn hekk, ta’ Kastilja qed ixerrdu xnigħat li Chris Fearne qed ipaxxi lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrain Delia li fetaħ kawża kontra l-Vitals biex iġib l-isptarijiet pubbliċi lura. Ta’ Kastilja jsostnu li meta kkundanna l-kuntratt tat-Technoline, Fearne għamel dan biex jgħin lil Adrian Delia u jkisser lil Konrad Mizzi.
Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, qal fil-programm 10Q fuq NET TV, li l-veru qasama fil-pajjiż tinsab fil-gvern b’żewġ Ministri ewlenin jattakkaw lil xulxin waqt li poplu jħallas. F’Xarabank, Adrian Delia ddikjara li hemm bżonn ta’ investigazzjoni indipendenti biex tistabbilixxi fejn qed imorru flus il-poplu.