Internazzjonali

‘Mal-170 imwiet fil-Mediterran’ fost l-appelli tal-UNHCR

Il-UNHCR, l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati, qed tgħid li talanqas 170 immigrant mietu f’żewġ inċidenti separati fil-Mediterran. Dan waqt li l-Kap (Kummissarju Għoli) tal-istess UNHCR, Filippo Grandi, qal li ‘ħadd ma jista’ idawwar wiċċu ‘il hinn meta qegħdin imutu daqstant nies fuq l-għatba tal-Ewropa’.

Wara li, fi tmiem il-ġimgħa, il-qawwiet tal-baħar Taljani rappurtaw l-għarqa ta’ dinghy, b’117-il persuna abbord’, ‘il hinn mil-Libja, ħarġu wkoll rapporti li l-awtoritajiet ta’ Spanja u l-Marokk qed jippruvaw isibu ‘dgħajsa tal-immigranti mitlufa’ lejn il-Punent tal-Mediterran.

Il-UNHCR ma setgħetx tivverifika ċ-ċifri tal-mewt inkwistjoni permezz tas-sorsi indipendenti. Madankollu, Grandi enfasizza li ‘m’għandu jinżamm l-ebda sforz biex isalvaw in-nies kollha li jispiċċaw f’periklu fuq il-baħar’. Dan meta ‘il fuq minn 2,200 immigrant tilfu ħajjithom waqt il-vjaġġi mill-Mediterran fl-2018.

Il-bastiment ‘li għeb’ fil-Baħar Alboran, lejn il-punent imbiegħed tal-Mediterran, qed jingħad li kellu fuqu talanqas 53 immigrant. Dan meta immigrant minnhom li salva qed jingħata l-kura fil-Marokk wara li kien dam talanqas 24 siegħa ‘mitluf fil-baħar’. It-tfittxija għal dan il-bastiment ilha għaddejja għal diversi jiem.

L-Organizzazzjoni għall-Immigrazzjoni tkellmet dwar id-dinghy li telaq mil-Libja nhar is-Sibt u qalet li tlieta minn fost il-120 immigrant oriġinali li kienu bdew il-vjaġġ salvaw wara li d-dinghy spiċċa jegħreq f’baħar imqalleb. It-tliet immigranti, bħalissa, qed ikunu trattati fil-gżira ta’ Lampedusa.

Diversi pajjiżi Ewropej, fosthom l-Italja, qed iżommu lura milli jaċċettaw l-immigranti illegali li jagħmlu dawn il-vjaġġi — bil-Viċi-Prim Ministru Taljan, Matteo Salvini, jikteb, fuq Twitter, li ‘dment li l-portijiet tal-Ewropa jibqgħu miftuħin, it-traffikanti tan-nies se jkomplu jorganizzaw dawn il-vjaġġi illegali li jissarrfu f’telf ta’ ħajja’.