Lokali

Pressjoni interna dwar id-deal tal-Corinthia

Il-mexxej Laburista Joseph Muscat issa qed isib ukoll reżistenza interna għall-mod kif art f’wieħed mill-aqwa siti f’San Ġiljan tqassmet bi skont qawwi lill-Grupp Corinthia.

Art li ngħatat lil dan il-grupp għal frazzjoni tal-valur proprju tagħha wara negozjati li tmexxew mill-Ministru Konrad Mizzi. Tant hu hekk li fis-suq, l-art hi stmata li tiswa’ €121 miljun iżda ngħatat biss għal €17-il miljun.

Proġett massiċċ li mhux biss jinkludi l-bini ta’ żewġ torrijiet imma saħansitra jagħti l-pportunità li ssir ukoll reklamazzjoni tal-art, għalkemm il-Grupp fi stqarrija fl-aħħar jiem ċaħad li għandu xi interess li jibni fuq il-baħar.

Dwar dan, il-ġurnal Illum tkellem ma’ deputat tal-Gvern Laburista li qal li m’humiex ftit dawk id-Deputati Laburisti li huma inkwetati dwar dan il-ftehim u li qed jagħmlu pressjoni biex l-affarijiet jinbidlu qabel jittieħed il-vot fil-Parlament.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fl-aħħar ġimgħat diġa ddikjara li l-Oppożizzjoni tappoġġja u tixpruna l-investiment f’pajjiżna iżda ma taqbilx li art tal-poplu titqassam bix-xejn.

Sadattant jidher li anke kemm fil-Kabinett u fil-grupp Parlamentari Laburista tqajmet din il-kwistjoni, fejn sorsi interni jindikaw li ħafna ħaduha bi kbira għall-mod kif saru l-affarijiet f’dan il-każ u lmentaw li l-Gvern Laburista ma jaffordjax kontroversja oħra.