Internazzjonali

Stati Uniti: Trump urtat wara li d-Demokratiċi jiċħdu għal ‘kompromess’

L-US Capitol f'Washington.

Il-President Amerikan, Donald Trump, ikkritika bl-aħrax lid-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni wara li dawn ċaħdulu l-proposti lejn it-tmiem tal-akbar paraliżi ( shutdown) tal-Gvern fl-istorja tal-pajjiż.

Trump kien offra ‘il-kompromessi’ biex jaċċerta mill-finanzjament tal-ħajt tas-sigurtà li jrid itella mal-fruntiera tal-Messiku, b’din il-kwistjoni twassal għall-paraliżi inkwistjoni. Intant, il-President Amerikan qal, wara, li l-pjani tiegħu ‘twarrbu mid-Demokratiċi qabel hu kellu mqar iċ-ċans li jippreżentahom fid-dettall’. Min-naħa tagħhom, id-Demokratiċi qalu li l-proposti ta’ Trump mhumiex aċċettabbli u li mhumiex lesti li jikkunsidrawhom.

Il-President Trump, fost oħrajn, kien ippropona biex xi 700,000 immigrant, magħrufa bħala ‘Dreamers’, li kellhom età żgħira meta daħlu illegalment fl-Istati Uniti mal-ġenituri tagħhom ‘se jkunu protetti ( fl-Istati Uniti) għal tliet snin oħra.

Proposta oħra kienet biex xi 300,000 persuna bil-visas taħt it-Temporary Protection Status ukoll jingħataw protezzjoni għal tliet snin. Dawn in-nies partikulari kienu ħarbu lejn l-Istati Uniti bħala eksresidenti ta’ Stati affettwati mid-diżastri jew gwerer.

Sadanittant, Donald Trump appella wkoll lill-elementi konservattivi tal-lemin li qed jinkwetaw li l-offerta tiegħu dwar l-immigrazzjoni tammonta daqslikieku amnestija. Hu spjega li l-amnestija ‘mhix parti mill-offerta’ u li hu tkellem biss dwar ‘estensjoni ta’ tliet snin’.

Intant, Nancy Pelosi, is-Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, fissret il-konċessjonijiet li offra Trump bħala ‘ġabra ta’ inizjattivi li ma ntlaqgħux diġà u li ma jirrappreżentawx impenn ġenwin biex iġib lura livell ta’ ċertezza għan-nies’.

Dan meta wħud mit-800,000 ħaddiema federali li ilhom mingħajr salarji mit-22 ta’ Diċembru (b’kaġun tax-shutdown) jinsabu f’sitwazzjoni ddisprata meta l-paraliżi tal-Gvern daħlet fil-ħames ġimgħa tagħha.