Fis-seklu 21 kien hemm tliet konfronti li ntlagħbu f’Jannar bejn Hibernians u Valletta meta t-tnejn kienu qed jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat. Bilanċ assolut b’rebħa kull naħa u logħba oħra li ntemmet fi draw. Valletta kienu għelbu lil Hibernians 2-0 fis-7 ta’ Jannar tal-2009, tliet snin wara eżatt iż-żewġ timijiet kienu spiċċaw fi draw ta’ 1-1 u l-Ħadd 8 ta’ Jannar ta’ sentejn ilu, Hibernians kienu rebħu l-konfront 1-0.
Fl-istaġuni l-oħra, jew xi ħadd minnhom ma kienx qed jisfida għar-rebħ tal-kampjonat jew il-konfront dirett kien intlagħab f’xahar ieħor. Interessanti hu li dawn it-tliet konfronti kollha ntlagħbu fi tliet formati differenti tal-kampjonat.
B’analiżi ta’ statistika biss ta’ dawn it-tliet konfronti, meta rebħu Valletta l-kampjonat intrebaħ minn Hibernians, meta spiċċaw fi draw rebħu l-kampjonat Valletta u meta rebħu Hibernians l-kampjonat intrebaħ minnhom. Nistennew u naraw x’se jiġri llum u kif se jiżvolġi l-kampjonat.
7 ta’ Jannar 2009
Valletta li fl-istaġun ta’ qabel kienu rebħu l-kampjonat, kienu qabżu lill-istess Hibernians fil-quċċata tal-kampjonat b’rebħa ta’ 2-0. B’hekk wara 12-il logħba, Valletta kellhom 26 punt, wieħed aktar minn Hibernians u Birkirkara. Iżda fi tmiem l-istaġun kienu l-Pawlisti li rebħu l-kampjonat wara li spiċċaw 0-0 proprju kontra Valletta fl-aħħar logħba tal-kampjonat li kien għadu b’10 timijiet u biċ-Championship u r-Relegation Pool.
Il-logħba kienet karatterizzata minn tkeċċija fuq kull naħa u l-qtugħ tad-dawl artifiċjali għal xi minuti. Hibernians kienu ġejjin minn erba’ rebħiet konsekuttivi u erba’ logħbiet mingħajr ma jsofru gowl. Kien Gilbert Agius li fetaħ l-iskor wara biss ħames minuti meta bidel il-ballun ma’ Edmond Agius qabel għeleb lil Mario Musat b’xutt djagonali. Valletta rduppjaw fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima hekk kif Njongo Priso kien għeleb lil Muscat mill-viċin wara li kien irċieva tajjeb passaġġ ta’ Cleavon Frendo.
7 ta’ Jannar 2012
Dan id-draw bejn ta’ 1-1 bejn Valletta u Hibernians kien aktar ta’ benefiċċju għal Valletta li b’hekk kienu żammew id-distakk ta’ sitt punti fuq il-Pawlisti. F’dan l-istaġun Valletta kienu rebħu l-kampjonat u sa dik il-logħba kellhom 13-il rebħa, żewġ draws u telfa f’kampjonat bi 12-il tim iżda biċ-Championship u r-Relegation Pool. Kienet logħba bilanċjata fejn minkejja li Valletta kienu superjuri għall-avversarji, Hibernians iddefendew tajjeb u xejnu diversi attakki ta’ Valletta.
Hibernians kienu fetħu l-partita bl-aqwa mod meta marru minn fuq wara’ erba’ minuti meta minn korner ta’ Clayton Failla, William Barbosa prova jbiegħed il-ballun bir-ras, iżda spiċċa għand id-difensur Rodolfo Soares li għeleb lil Andrew Hogg mill-viċin b’daqqa ta’ ras mill-viċin.
Valletta kisbu d-draw man-nofs siegħa logħob. Minn korner ta’ Denni Rocha dos Santos, Ousseni Zongo kompla bir-ras lejn Steve Borg li prova b’daqqa ta’ ras li kienet imbiegħed qasir minn Jason Vandelannoite, bil-ballun spiċċa għand Michael Mifsud li spara wara Mario Muscat.
8 ta’ Jannar 2017
Dan l-istaġun fisser l-aħħar kampjonat mirbuħ minn Hibernians. Ir-rebħa ta’ dakinhar fuq Valletta fissret it-tieni suċċess fuq il-Beltin f’dak l-istaġun filwaqt li fetħu vantaġġ ta’ sitt punti fuqhom, simili bħall-konfront tal-lum. Din il-logħba fissret il-11-il rebħa għalihom minn 17-il logħba, f’kampjonat ta’ tliet rawnds bi 12-il tim.
Sa dakinhar, il-logħba kienet waħda mill-isbaħ tal-istaġun bil-ballun tiela’ u nieżel fuq iż-żewġ naħat. Hibernians kienu perfett fid-difiża speċjalment fit-tieni taqsima. Hibernians kienu skorjaw il-gowl tar-rebħa mas-siegħa logħob. Xutt fil-baxx ta’ Jurgen Degabriele kien salvat parzjalment minn saqajn Dziugas Bartkus, bil-ballun spiċċa għand il-midfielder Jackson Lima li skorja b’xutt fil-baxx.
//= $special ?>