Kważi r-residenti kollha tax-Xgħajra ffirmaw petizzjoni biex il-Gvern ma jordomx ix-xatt tal-lokalità u b’hekk ikun qed jeqred ukoll dan il-post kwiet, assoċjat ukoll mal-villeġġjaturi fis-sajf, iżda li issa jinsab mhedded.
Jingħad li skont studji, il-Gvern m’għandux għażla oħra ħlief li jitfa’ l-iskart li jiġi ġġenerat minn diversi proġetti nazzjonali, fosthom mit-tħaffir għall-mina ta’ bejn Malta u Għawdex, jekk mhux fil-baħar tax-Xgħajra.
Aħbar li kienet waslet ftit jiem biss wara li l-Minsitru tal-Ambjent Jose Herrera kien iddikjara li ma għandniex għażla ħlief ir-reklamazzjoni tal-art, f’konferma li l-Gvern hu bla pjan dwar il-problema tal-iskart f’Malta.
Dwar dan, anke l-Kunsill Lokali Laburista kien iddikjara li hu b’mod unanimu kontra l-pjan tal-Gvern, bis-Sindku Laburista Anthony Valvo saħansitra jiddikjara li l-Kunsill Lokali lanqas biss ġie kkonsultat dwar dan.
Il-Ħadd fl-istess lokalità saret laqgħa pubblika fejn dawk li attendew għamluha ċara mill-ġdid li jinsabu kontra din il-proposta. Fost dawk li attendew, il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fix-Xgħajra Doris Borg li għamlitha ċara li akkost ta’ kollox hi kontra li bir-reklamazzjoni tal-art issir il-qerda tax-Xgħajra kif nafuha sa llum.
Dan wara li iktar kmieni dan ix-xahar bagħtu email lis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis u saħansitra lill-Prim Ministru Joseph Muscat minn dawn ir-residenti, fejn jingħad li din l-art se tkun qed issir biss għall-iżviluppaturi u mhux għal skopijiet li se jkunu qed jgħinu lil lokalità, bħal xi ġonna.
Proġetti simili iżda fuq skala iżgħar minn dak tax-Xgħajra qed jiġu kunsidrati f’lokalitajiet oħra madwar il-gżejjer Maltin.
//= $special ?>
