Futbol Sport

Ashley Cole jingħaqad ma’ Derby County sa tmiem l-istaġun

(Ritratt: Derby County)

Ashley Cole rritorna fil-futbol Ingliż hekk kif ingħaqad mat-tim taċ-Championship Derby b’kuntratt sa tmiem l-istaġun. Cole li għandu 38 sena kien ilu mingħajr klabb minn meta ħalla lil Los Angeles Galaxy f’Novembru u ma’ Derby se jkun qed jilgħab taħt it-tmexxija ta’ Frank Lampard li lagħab miegħu ma’ Chelsea u t-tim nazzjonali Ingliż.

Id-difensur lagħab 107 logħbiet mat-tim nazzjonali Ingliż u 682 logħba fuq livell ta’ klabbs ma’ Arsenal, Crystal Palace, Chelsea, Roma u Los Angles Galaxy.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, Ashley Cole qal li tkellem b’mod ġenerali ma’ Lampard madwar xahar u nofs ilu, bil-manager ta’ Derby isaqsih jekk ikunx interessat jilgħab magħhom. Hu aċċetta minħabba li żamm kuntatt ma’ Lampard u kien qed isegwi minn meta hu mar mal-klabb.

Lampard qal li Ashley Cole jinsab f’kundizzjoni fiżika tajba u ma jinsabx sorpriż għaliex qal li Cole hu plejer professjonali. Derby bħalissa jinsabu fis-sitt post fiċ-Championship u s-Sibt li ġej jilagħbu fir-raba’ rawnd tal-FA Cup kontra Accrington Stanley.