Lokali Qorti

QORTI: Libjani ngħataw flus biex ma jixhdux fil-każ tal-visas mediċi

Numru ta’ Libjani kienu ħerqana li jixhdu dwar kif allegatament ħallsu Uffiċjal Pubbliku għal visas mediċi, iżda bħalissa jinsabu taħt pressjoni biex ma jixhdux.

Dan ħareġ mix-xhieda li ta Ivan Grech Mintoff, li reġa’ xehed fil-proċeduri li l-Uffiċjal tal-Gvern li jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Neville Gafà fetaħ kontra l-Editur ta’ The Malta Independent on Sunday, David Lindsay.

Wara l-aħħar seduta tal-Qorti, erbat ijiem biss wara li Gafa kien reġa’ mar il-Libja u beda joffri lil dawn in-nies flus biex ma jixhdux, Grech Mintoff qal lill-Qorti fejn tenna li hemm pressjoni qawwija fuqhom anke f’dan il-mument.

Hekk kif kien qed jieħu nota ta’ dan, il-Maġistrat Francesco Depasquale iddikjara li t-telefonata permezz ta’ Skype max-xhieda prospettivi tinsab skedata li ssir meta jkompli l-każ u jekk it-telefonata ma tkunx effettwata f’dik id-data, il-Qorti se tkompli bix-xogħol tagħha.

Il-Libjani rrilaxxaw stqarrijiet formali permezz tas-sistema legali tagħhom, fejn qalu l-istorja tagħhom b’ġurament, bil-Karti tal-Identità u bin-numri tal-mobiles inklużi. Ix-xhud qal ukoll li kiseb ukoll traskrizzjoni bl-Ingliż ta’ dawn li stqarrijiet.

Il-każ kien sospiż u l-kawża aġġornata għal Marzu, sakemm it-telefonata bl-iSype issir. Madankollu, qabel ħalla l-Awla, Grech Mintoff ta l-aħħar biċċa informazzjoni fejn qal li wara l-aħħar każ fil-Qorti, Gafa reġa mar il-Libja f’attentat ieħor biex il-Libjani ma jixhdux u dan wara li offrielhom il-flus.

Grech Mintoff qal li hu anke għandu ritratti biex isaħħu l-argument tiegħu.