Internazzjonali

Ħidma bla rażan biex isibu liċ-ċkejken Julen

Qed tkompli l-ħidma bla rażan f’Totalan, qrib Malaga fi Spanja biex jinstab iċ-ċkejken Julen Rosello. Aktar minn ġimagħtejn ilu, Julen waqa’ f’ħofra wiesgħa 25 ċentimetru u fonda madwar 100 metru waqt li kien qed jilgħab f’għalqa mal-ġenituri.

S’issa m’hemm ebda ħjiel jekk Julen hux ħa jew mejjet. Il-ħaddiema tas-salvataġġ qed iħaffru mina biex joħorġuh, imma l-kwalità tal-art fl-inħawi qed tagħtihom ħafna problemi. It-tir hu li sat-Tlieta jkunu waslu sat-tifel. Għall-ewwel kienu qed jitħaffru żewġ mini, imma l-art f’waħda minnhom kienet il-ħin kollu ċċedi u għalhekk tkompla x-xogħol fuq waħda minnhom biss.

L-uffiċjali qalu li madwar il-bir, il-blat hu iebes ħafna u d-drill li qed jużaw kellu jitwaqqaf it-Tnejn biex isir xogħol ta’ manutenzjoni fuqu peress li qed jintuża kontinwament. It-tir hu li l-ħaddiema tas-salvataġġ iħaffru ħofra madwar 60 metru fond tul il-post fejn hu maħsub li hemm Julen. Sa tard ilbieraħ, id-drill kien wasal f’fond ta’ madwar 53 metru. Meta jaslu fil-fond stabbilit, se jitniżżlu l-ħaddiema tas-salvatġġ biex imbagħad iħaffru mina lejn fejn jaħsbu li hemm it-tfajjel.