Futbol Sport

Huddersfield jaħtru lil Jan Siewert bħala l-manager tal-klabb

Huddersfield ħatru lil Jan Siewert bħala l-manager il-ġdid tagħhom b’kuntratt ta’ sentejn u nofs. Il-Ġermaniż ħalla lit-tieni tim ta’ Borussia Dortmund u se jieħu post David Wagner li ħalla lit-tim il-ġimgħa l-oħra.

Iċ-chairman tal-klabb Dean Hoyle qal li kien xeħet ħarstu fuq Siewert aktar minn sentejn ilu meta hu kien mal-klabb Ġermaniż Bochum. Hu żied li meta Wagner għarrafhom li kellu l-ħsieb li jieqaf fi tmiem l-istaġun, Huddersfield marru mill-ewwel biex jiltaqgħu miegħu għaliex kien għadu fuq quddiem fil-lista tagħhom.

Hoyle kompla li l-filosofiji tiegħu huma simili għal dawk tal-klabb, iżda saħaq li Siewert jista’ jibni fuq it-tajjeb li nkiseb sa issa.

Siewert se jħalli lit-tieni tim ta’ Borussia Dortmind fir-raba’ post fil-kampjonat Regionalliga West li hu r-raba’ diviżjoni fil-Ġermanja. Huddersfield bħalissa jinsabu fil-qiegħ tal-Premier League u jinsabu għaxar punti bogħod milli jsalvaw wara li rebħu biss żewġ logħbiet mill-ewwel  23 partita fil-kampjonat.