Il-Grupp Corinthia baqa’ ma qalx kemm-il torri se jibni madwar San Ġiljan, għalkemm ċaħdet biss li se jkunu 12. Il-kumpanija tat din it-tweġiba lill-gazzetta The Malta Independent on Sunday wara li rapport fuq Malta Today żvela d-draft tal-masterplan, li…skont il-gazzetta… inkluda 12-il torri ta’ bejn 8 u 21 sular kull wieħed – xi ħaġa li diġa’ ġiet miċħuda.
Il-kumpanija fil-fatt kkritikat stampi ppubblikati mal-istess rapport għax qalet li huma fittizji u qarrieqa. L-iżvilupp ħoloq kontroversja għax ħafna qed iħossu li dan se jsarraf f’aktar torrijiet, partikolarment meta fl-istess żona se jsir ukoll il-proġett fejn qabel kien hemm l-ITS.
Iżda l-International Hotel Investments (IHI), li hi l-kumpanija sidt il-Grupp Corinthia, spjegat li l-ewwel fażi tal-iżvilupp se jinkludi żewġ torrijiet, bl-ogħla wieħed ikun ta’ 15-il sular. Min-naħa l-oħra, il-kumpanija ċċarat li dak li se jkun qed iseħħ wara jiddependi minn ħafna fatturi.
Kien għalhekk li l-kumpanija ċaħdet dak ippubblikat minn MaltaToday, fosthom l-istampi b’għadd ta’ torrijiet wieħed qrib l-ieħor. Fl-istess waqt, il-kumpanija nnutat ukoll li fl-istampi ppubblikati, ma saret l-ebda referenza għaż-żoni ta’ tisbiħ li l-proġett se jkun qed jinkludi biex l-iżvilupp jilħaq il-livell ta’ sitt stilel.
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru tat-Turiżmu spjega li għadhom qed isiru laqgħat ma’ dawk kollha nvoluti.
//= $special ?>

