Lokali

Jingħata f’idejn it-Tmexxija tal-Ħabs u jispiċċa fl-ITU jiġġieled għal ħajtu wara overdose ta’ droga

FTIT SIGĦAT WARA LI NQABAD MILL-PULIZIJA WARA LI KIEN MAĦRUB

Kompliet tikkomplika ruħha l-istorja ta’ żagħżugħ Karkariż li nhar is-Sibt kien arrestat mill-ġdid wara li ħarab mill-kustodja tal-Pulizija u ngħata f’idejn it-tmexxija tal-Ħabs.

Dan hekk kif, sigħat biss wara li t-tmexxija tal-Ħabs bagħtitu fit-Taqsima tal-Forensika tal-Isptar Monte Carmeli, hu spiċċa fl-ITU tal-Isptar Mater Dei kaġun ta’ overdose qawwija ta’ droga.

Sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit fissrulna li ż-żagħżugħ ta’ 31 sena qed jinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva jissielet għal ħajtu. Hu kien imdawwar minn qraba tiegħu li ma setgħux jifhmu kif dan kien f’idejn l-Awtoritajiet tal-Ħabs ta’ Kordin u mbagħad spiċċa fil-qagħda li jinsab jissielet għal ħajtu.

Jirriżulta li ftit wara li l-Pulizija għaddiet lil dan iż-żagħżugħ f’idejn it-tmexxija tal-Ħabs, dan intbagħat fit-Taqsima tal-Forensika fl-Isptar Monte Carmeli f’Ħattard. Hawn jidher li kkonsma doża qawwija ħafna ta’ xi tip ta’ droga li tellfitu minn sensieh tant li kellu jiddaħħal l-Isptar għall-kura u nstab li jinsab f’qagħda kritika ħafna.

B’dak li ġara mhux biss kienu infurmati l-membri tat-Tmexxija tal-Ħabs, iżda kienet mgħarrfa wkoll il-Pulizija u l-Maġistrat tal-Għassa li ordna li ssir inkjesta maġisterjali.

Għal dan l-iskop inħatru għadd ta’ esperti biex jgħinu lill-Qorti f’din l-inkjesta. Nifhmu li anki min-naħa tal-Ħabs ta’ Kordin infetħet inkjesta interna biex tistabbilixxi l-fatti li qed jiċċirkondaw dan il-każ serju li dwaru xi ħadd bla dubju ta’ xejn li jrid jerfa’ r-responsabbiltà.

Dan iż-żagħżugħ kien imfittex mill-Pulizija u kien nhar is-Sibt li għadda li hu kien arrestat mill-ġdid mill-Pulizija u eventwalment ingħata f’idejn it-Tmexxija tal-Ħabs. Jirriżulta fil-fatt li oriġinarjament dan iż-żagħżugħ ittieħed fil-Ħabs ta’ Kordin fejn ftit tal-ħin wara hu kien trasferit lejn it-Taqsima tal-Forensika tal-Isptar Monte Carmeli.

Kien f’xi ftit mumenti wara li ddaħħal fit-Taqsima tal-Forensika li dan iż-żagħżugħ intilef minn sensih u kellha tissejjaħ ambulanza li ħaditu fl-Isptar Mater Dei. Mill-ewwel testijiet irriżulta fil-pożittiv l-abbuż tad-droga.

Oriġinarjament l-istorja ta’ dan iż-żagħżugħ tmur lura għal sentenza fil-Qorti l-ġimgħa l-oħra meta hu kellu s-sentenza tiegħu konfermata dwar każijiet ta’ serq.

Fl-Appell hu ma deherx u għalhekk il-Pulizija bdiet tfittxija għalih sakemm kien arrestat nhar is-Sibt li għadda hekk kif inqabad dieħel fid-dar ta’ missieru u ommu f’Birkirkara stess.