Sport Sport Ieħor

Judd Trump jiddomina lil Ronnie O’Sullivan u jirbaħ il-finali tal-Masters

(Ritratt: World Professional Billiards and Snooker Association)

Judd Trump kiseb l-akbar rebħa tal-karriera tiegħu u ċekk ta’ kważi €230,000 meta rebaħ il-finali tal-Masters 10-4 kontra s-seba’ darbiet rebbieħ Ronnie O’Sullivan. Fis-sessjoni ta’ wara nofsinhar, ir-rebbieħ tal-Kampjonat tar-Renju Unit tal-2011 kien dominanti u bena vantaġġ komdu ta’ 7-1.

O’Sullivan li rebaħ dan l-unur fl-1995, fl-2005, fl-2007, fl-2009, fl-2014, fl-2016 u fl-2017, naqas li jsib saqajh fil-logħba speċjalment minħabba l-kontroll eċċellenti tal-boċċa l-bajda li Trump kellu waqt il-logħba.

Il-ħames darbiet rebbieħ tal-Kampjonat tad-Dinja O’Sullivan, għamel l-ewwel ċentinarju b’114-il punt fil-11-il frame biex naqqas id-distakk għal 8-3, iżda fil-frame ta’ wara, Trump ħa vantaġġ minn żball ta’ O’Sullivan u għamel break ta’ 68 biex reġa’ kabbar id-distakk għal sitt frames.

Il-veteran ta’ 43 sena wieġeb bi break brillanti ta’ 109 fil-frame ta’ wara l-mistrieħ imma wara li falla l-boċċa r-roża, Trump ħa vantaġġ u għalaq il-logħba bi break ta’ 5-3.

Trump li kien tilef il-finali tal-Kampjonat tad-Dinja fl-2011 kontra John Higgins, jittama li din il-prestazzjoni tgħinu biex jisfida u jtemm l-istennija biex isir Champion tad-Dinja f’Mejju.

Tags